Nhar it-Tnejn filgħodu, fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u r-rappreżentanti ta’ Festivals Malta, żar il-foss ta’ San Ġakbu fejn iltaqa’ mal-parteċipanti u d-dilettanti tal-Karnival.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jitkellem direttament ma’ dawk involuti u jara mill-qrib il-ħidma artistika li qed issir. Huwa nnota d-dedikazzjoni u l-impenn volontarju li bih jinħolqu l-karrijiet, il-kostumi u l-ispettakli li jagħtu l-ħajja lil din it-tradizzjoni tant għal qalb il-poplu Malti.
Fil-foss ta’ San Ġakbu, Dr Abela rrikonoxxa wkoll l-isforzi kbar li qed isiru mill-organizzaturi u l-parteċipanti, anke quddiem sfidi marbuta mal-maltemp. Minkejja dawn iċ-ċirkustanzi, ix-xogħol baqa’ għaddej b’serjetà u b’entużjażmu, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi programm ta’ livell għoli.
Il-Prim Ministru faħħar il-ħidma ta’ kulħadd u rringrazzja lill-parteċipanti u lill-organizzaturi talli jkomplu jsaħħu l-Karnival fil-Belt Kapitali kif ukoll fil-Floriana, b’attivitajiet li jattiraw kemm lill-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll lit-turisti. Huwa tenna li l-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jappoġġja dawn l-inizjattivi kulturali, li huma parti integrali mill-wirt u l-identità nazzjonali tagħna.
Ritratti: DOI/OPM













