Proprjetà pubblika fil-Qrendi ngħatat b’ċens temporanju lis-Soċjetà Filarmonika Madonna ta’ Lourdes biex tintuża għal skopijiet marbuta mal-organizzazzjoni u ż-żamma tal-festa annwali tal-lokalità.
Is-sit, li jinsab fi Triq Nazzareno Mifsud kantuniera ma’ Triq Guzeppi D’Arena, u li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġie trasferit b’titolu ta’ enfitewsi temporanja għal perjodu ta’ ħamsin sena. Dan l-ispazju se jservi bħala mħażen fejn is-soċjetà tkun tista’ taħżen u żżomm l-armar u l-materjal relatat mal-festa li tiġi ċelebrata kull sena fil-Qrendi.
Permezz ta’ dan il-pass, is-soċjetà se jkollha spazju adegwat u organizzat biex taħżen l-armar tagħha, u b’hekk tissaħħaħ il-ħidma volontarja li ssir matul is-sena kollha. Dan l-investiment jikkontribwixxi wkoll biex jitħarsu u jissaħħu t-tradizzjonijiet tal-festi Maltin, li huma rikonoxxuti bħala Wirt Kulturali Intanġibbli mill-UNESCO.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li dan it-trasferiment huwa parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern biex jappoġġja u jħares it-tradizzjonijiet kulturali li jagħtu identità u karattru distint lill-pajjiżna. Huwa enfasizza li permezz ta’ investimenti konkreti bħal dawn, is-soċjetajiet mużikali jingħataw l-għodda meħtieġa biex jaħdmu b’mod aktar effiċjenti u sostenibbli.
Skont il-Ministru, meta l-Gvern jappoġġja dawn l-għaqdiet volontarji, ikun qed jinvesti direttament fil-wirt kulturali Malti u jiżgura li dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra.
It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella u minn Gordon Sacco fil-kapaċità tiegħu ta’ Segretarju tas-Soċjetà.











