Il-kunsilli lokali qed jiġu mħeġġa jressqu u jmexxu ’l quddiem aktar inizjattivi u proġetti mmirati lejn it-tfal, permezz tat-tnedija tat-Tikketta ta’ Kwalità TFULIJA (Towns & Villages For Us: Living, Inclusive, Joyful and Accountable).
Din it-tikketta għandha l-għan li tagħti viżibilità akbar lill-ħidma li diġà qed issir mill-kunsilli lokali u minn għaqdiet oħra favur it-tfal, filwaqt li tħeġġeġ aktar entitajiet jipproponu spazji miftuħa u inizjattivi mfassla apposta għall-bżonnijiet tagħhom. L-enfasi prinċipali hija li t-tfal ma jkunux biss benefiċjarji, iżda wkoll parteċipanti attivi fl-ippjanar u fit-tgawdija tal-ispazji pubbliċi madwar Malta u Għawdex.
Permezz ta’ din l-iskema, il-lokalitajiet se jkunu mħeġġa jkomplu jsebbħu u jtejbu l-ambjent tagħhom b’mod li jpoġġi lit-tfal fiċ-ċentru tal-ħsieb u tal-azzjoni. Il-kunsilli lokali huma mistiedna joħorġu bi proposti konkreti li jindirizzaw l-eżiġenzi tat-tfal u tal-familji fil-komunità.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, sostna li t-tfal huma l-qalb tal-preżent u l-futur tal-pajjiż, u għalhekk il-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ id-drittijiet u l-benesseri tagħhom. Huwa spjega li din l-inizjattiva tifforma parti minn viżjoni usa’ li tippromwovi ambjenti inklussivi li jappoġġjaw lill-familji u jagħtu s-setgħa lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, enfasizzat li l-kunsilli lokali jinsabu fil-qalba tal-komunitajiet u għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp ta’ inizjattivi li jolqtu direttament lit-tfal. Hija qalet li din l-iskema ssaħħaħ ir-rwol tal-kunsilli bħala pont bejn iċ-ċittadini u l-entitajiet governattivi, u tmur id f’id mal-Viżjoni Malta 2050 li tqiegħed lit-tfal fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet u tippromwovi aktar spazji miftuħa għall-familji.
Il-Kummissarju għat-Tfal, Antoinette Vassallo, spjegat li l-inizjattiva hija frott rakkomandazzjoni ewlenija li ħarġet mill-istudju ta’ riċerka “Healthy Spaces – Co-creating Child-friendly Towns and Villages”, ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal. Hija sostniet li dan huwa pass konkret lejn komunitajiet li mhux biss jilqgħu lit-tfal, iżda li jkunu wkoll imfassla magħhom u għalihom, għaliex meta jinbnew bliet u rħula maħsubin għat-tfal, jitjiebu l-komunitajiet għal kulħadd.
Minn issa ’l quddiem, il-kunsilli lokali, b’appoġġ mill-kunsilli reġjonali, jistgħu japplikaw għat-Tikketta ta’ Kwalità TFULIJA permezz tas-sit elettroniku tfal.gov.mt. L-applikazzjonijiet jiġu evalwati skont tmien kriterji marbuta direttament mal-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tat-tfal fil-komunità, fosthom il-parteċipazzjoni tat-tfal, is-sigurtà, l-inklużjoni, l-adegwatezza għall-età u għall-iżvilupp, il-promozzjoni tas-saħħa, kif ukoll id-disponibbiltà, il-flessibbiltà, l-immaniġġjar u l-manutenzjoni tal-ispazji.
Ir-rikonoxximent jingħata fuq tliet livelli — Bronż, Fidda u Deheb — u jibqa’ validu għal tliet snin. Se jingħataw ukoll rikonoxximenti speċjali għal inizjattivi partikolari. Il-kunsilli lokali huma mħeġġa jikkuntattjaw lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal għal aktar informazzjoni dwar kif jistgħu jipparteċipaw f’din l-iskema.
- Minister for Social Policy and Children’s Rights Michael Falzon and Parliamentary Secretary for Local Government Alison Zerafa Civelli officially launch the TFULIJA (Towns and Villages for Us: Living, Inclusive, Joyful and Accountable) Quality Label
- Minister for Social Policy and Children’s Rights Michael Falzon and Parliamentary Secretary for Local Government Alison Zerafa Civelli officially launch the TFULIJA (Towns and Villages for Us: Living, Inclusive, Joyful and Accountable) Quality Label
- Minister for Social Policy and Children’s Rights Michael Falzon and Parliamentary Secretary for Local Government Alison Zerafa Civelli officially launch the TFULIJA (Towns and Villages for Us: Living, Inclusive, Joyful and Accountable) Quality Label












