Imniedi l-programm il-ġdid ‘SportArti’, inizjattiva nazzjonali li għandha l-għan li ddaħħal l-arti u l-kultura fil-qafas tan-nurseries tal-football kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Din l-iskema tħabbar mill-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Malta Football Association, u għandha l-għan li toħloq rabta aktar soda bejn id-dinja kulturali u dik sportiva, b’enfasi fuq il-kreattività, l-innovazzjoni u l-iżvilupp taż-żgħażagħ.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Malti għall-Arti se jkun qed jalloka €50,000 fis-sena biex jinħoloq fond apposta li minnu se jibbenefikaw in-nurseries tal-football li huma membri tal-Youth FA. Dan il-fond se jintuża biex jiġu implimentati attivitajiet u proġetti artistiċi u kulturali fil-programmi sportivi tat-tfal u ż-żgħażagħ. Fost dawn l-inizjattivi jista’ jkun hemm sessjonijiet ta’ tagħlim kreattiv, kollaborazzjonijiet ma’ artisti u prattikanti kulturali, kif ukoll proġetti li jinvolvu lill-komunità.
‘SportArti’ hija parti minn strateġija usa’ li tfittex li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni kulturali fis-soċjetà u li tagħmel il-kreattività parti integrali mill-istrutturi komunitarji. L-inizjattiva hija allinjata mal-prijoritajiet ta’ Viżjoni 2050, li tpoġġi enfasi fuq kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejn setturi differenti, aċċess akbar għall-kultura u programmi li jrawmu ħiliet kreattivi, reżiljenza u benesseri fost it-tfal u ż-żgħażagħ.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, spjega li dan il-pass jirrifletti l-impenn biex il-kultura tkun aktar aċċessibbli u preżenti fil-ħajja ta’ kuljum. Huwa enfasizza li l-għan hu li jinħolqu rabtiet aktar sodi bejn il-kultura, l-edukazzjoni u l-isport, sabiex iż-żgħażagħ jingħataw opportunitajiet li jsaħħu mhux biss il-ħiliet sportivi tagħhom, iżda wkoll l-immaġinazzjoni, il-kuraġġ u s-sens ta’ appartenenza.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, sostna li dan il-ftehim jara lill-atleta żagħżugħ bħala persuna sħiħa, li għandha bżonn spazju biex tesprimi ruħha u tiżviluppa ħsieb kreattiv. Skontu, l-integrazzjoni tal-arti fil-formazzjoni sportiva se tgħin biex jinbena pedament aktar b’saħħtu għall-iżvilupp personali u soċjali tat-tfal, filwaqt li tinħoloq sinerġija bejn artisti, edukaturi u klabbs lokali.
Is-Segretarja Ġenerali tal-Youth Football Association, Ms Stephanie Rocco, laqgħet b’sodisfazzjon din l-inizjattiva, u qalet li hija taqbel mal-missjoni tal-assoċjazzjoni li tippromwovi żvilupp ħolistiku tat-tfal fin-nurseries. Hija enfasizzat li l-football, l-arti u l-kultura huma kollha mezzi importanti biex it-tfal jiżviluppaw il-karattru u l-ħiliet tagħhom, u għalhekk ħeġġet lin-nurseries biex jippreżentaw proġetti innovattivi u kreattivi.
Il-ftehim għandu jdum fis-seħħ għal perjodu ta’ tliet snin u għandu l-għan li joħloq opportunitajiet sostenibbli għat-tfal u għaż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, se jsaħħaħ l-ekosistema kulturali billi jippromwovi kollaborazzjonijiet strutturati u fit-tul bejn is-settur sportiv u dak artistiku.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali tal-Kunsill Malti għall-Arti: https://artscouncilmalta.gov.mt.














