Malta reġgħet saħqet fuq il-bżonn ta’ aktar għaqda u koordinazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tagħha madwar id-dinja, sabiex tkompli tappoġġja lill-Ukrajna u ssaħħaħ l-istabbiltà fl-Ewropa. Dan ġie enfasizzat lejlet ir-raba’ anniversarju mill-bidu tal-invażjoni Russa, f’mument sensittiv għall-futur tas-sigurtà Ewropea.
Waqt il-laqgħa ta’ Frar tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE, li għaliha attenda d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ġiet diskussa l-ħtieġa li tkompli tiżdied il-pressjoni fuq ir-Russja fid-dawl tal-attakki kontinwi tagħha, inkluż fuq miri ċivili fl-Ukrajna.
Dr Borg sostna li l-komunikazzjoni kkoordinata u l-kollaborazzjoni diplomatika huma kruċjali biex l-UE tibqa’ magħquda u effettiva. Huwa spjega li meta l-istati membri jaġixxu flimkien, il-piż politiku u diplomatiku tal-Unjoni jkun ferm aktar b’saħħtu milli kieku kull pajjiż jaġixxi waħdu.
Filwaqt li Malta tappoġġja l-isforzi favur negozjati ta’ paċi li jwasslu għal soluzzjoni ġusta u sostenibbli għall-poplu Ukren, ġie enfasizzat li d-diplomazija trid tkun sostnuta b’aktar miżuri konkreti. Fost dawn hemm il-ħtieġa li l-UE tkompli teżamina u tintroduċi miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-Russja, dejjem b’rispett sħiħ lejn il-liġi internazzjonali.
Saret ukoll referenza għall-hekk imsejħa “shadow fleet” – netwerk ta’ bastimenti u mekkaniżmi użati biex jiġu evitati s-sanzjonijiet. F’dan il-kuntest, Malta sostniet li dawn l-isforzi għandhom jimmiraw biex idgħajfu l-kapaċità Russa li tkompli bl-aggressjoni tagħha, mingħajr ma jħallu impatt sproporzjonat fuq l-istati membri tal-UE u ċ-ċittadini tagħhom.
Id-diskussjoni fil-Kunsill ma ffokatx biss fuq l-Ukrajna. Dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, id-Deputat Prim Ministru Malti appella għal tnaqqis immedjat fl-eskalazzjoni fix-Xatt tal-Punent u esprima tħassib dwar żviluppi relatati mal-amministrazzjoni tal-art li qed iżidu t-tensjoni u jheddu l-prospetti ta’ Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati.
Huwa semma wkoll il-ħtieġa li jimxi ’l quddiem il-Pjan ta’ Paċi għal Gaża, u nnota li r-rifjut tal-Hamas li jċedi l-armi tiegħu qed jikkumplika l-isforzi ta’ rikostruzzjoni u t-tisħiħ tal-għajnuna umanitarja.
Malta sostniet li r-rikostruzzjoni għandha tibda mill-aktar fis possibbli, bil-bini mill-ġdid tal-infrastruttura essenzjali u s-servizzi bażiċi bħala pedament għal paċi dejjiema u stabbiltà fit-tul. Skont Dr Borg, komunitajiet aktar stabbli u reżiljenti huma kruċjali biex tinbena sigurtà sostenibbli kemm għal Gaża kif ukoll għar-reġjun kollu.
B’dan l-impenn, Malta kompliet tafferma l-pożizzjoni tagħha favur multilateraliżmu effettiv, rispett lejn il-liġi internazzjonali u kooperazzjoni msaħħa bħala l-aħjar triq lejn paċi u stabbiltà f’kuntest globali dejjem aktar kumpless.












