Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal nieda uffiċjalment il-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol, dokument strateġiku li jkopri perjodu ta’ ħames snin u li ġie aġġornat biex jirrifletti r-realtajiet u l-isfidi attwali relatati mal-konsum tal-alkoħol f’pajjiżna.
L-għan ewlieni ta’ din il-politika huwa li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi tal-alkoħol fuq is-saħħa fiżika u mentali, kif ukoll fuq l-imġiba tal-individwu. Fl-istess waqt, id-dokument jimmira li jsaħħaħ il-benesseri tal-persuni milquta mill-problema tal-alkoħol u jinkludi wkoll appoġġ għall-familjari tagħhom. Importanti wkoll li din il-politika tkompli ssaħħaħ il-prevenzjoni kontra l-vizzji, mhux biss tad-droga iżda wkoll tal-abbuż mill-alkoħol.
It-tnedija saret mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, li spjega kif l-istatistika lokali turi realtajiet li ma jistgħux jiġu injorati. Huwa sostna li minkejja ċerti indikaturi, pajjiżna għandu jkompli jaħdem biex iqajjem aktar kuxjenza dwar il-konsegwenzi serji tal-abbuż mill-alkoħol.
Il-Ministru spjega li l-politika tinkludi diversi miżuri konkreti mmirati biex jitnaqqas l-użu ħażin tal-alkoħol. Dawn jindirizzaw fost l-oħrajn l-aċċessibbiltà tax-xorb alkoħoliku u l-impatt tiegħu fuq is-saħħa pubblika.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tan-National Addictions Advisory Board, il-Professur Richard Muscat, ta spjegazzjoni dettaljata dwar l-azzjonijiet proposti. Huwa enfasizza kif l-istatistika turi li l-konsum tal-alkoħol spiss jibda minn età żgħira, u għalhekk hemm il-ħtieġa ta’ regoli aktar ċari u stretti dwar ir-reklamar tal-alkoħol, speċjalment fuq pjattaformi li jintlaħqu minn minuri u adolexxenti.
Il-politika tfittex ukoll li tnaqqas l-espożizzjoni għal ambjenti fejn ix-xorb u sustanzi illeċiti oħra huma aktar prevalenti. Barra minn hekk, tipproponi l-introduzzjoni ta’ interventi speċifiċi għal persuni li jiżviluppaw Alcohol Use Disorder, biex jingħataw l-għajnuna u t-trattament meħtieġ fil-ħin.
Aspett ieħor importanti huwa l-ħolqien ta’ sistema aktar effettiva u rigoruża għall-ġbir ta’ data relatata mal-konsum tal-alkoħol f’Malta. Qed jiġi propost ukoll it-twaqqif ta’ monitoring body li jgħaqqad flimkien is-setturi relevanti kollha fil-komunità, sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-miżuri ssir b’mod koordinat u effettiv.
Il-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol tista’ tinqara sħiħa minn fuq is-sit tal-Ministeru: https://family.gov.mt/wp-content/uploads/2026/02/NATIONAL-ALCOHOL-POLICY_FINAL.pdf










