Il-wirja ‘Malta’s Carnival – Behind the Mask’ ġiet inawgurata fil-Parlament Ewropew fi Brussell, f’inizjattiva li qed twassal parti mill-identità kulturali Maltija fil-qalba tal-istituzzjonijiet Ewropej.
L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru enfasizza li l-Karnival Malti huwa fost l-eqdem u l-aktar tradizzjonijiet kulturali vibranti fil-gżejjer Maltin, b’għeruq li jmorru lura sas-seklu sittax.
Huwa spjega li l-wirja toffri ħarsa komprensiva lejn din it-tradizzjoni, permezz ta’ elementi oriġinali minn karrijiet tal-Karnival, kostumi elaborati, dokumenti u materjal arkivistiku, kif ukoll esperjenza immersiva ta’ realtà virtwali li tippermetti lill-viżitaturi jidħlu fil-qalba tal-parata u jħossu l-enerġija unika tagħha.
Il-Ministru Bonnici sostna li l-Karnival jibqa’ espressjoni ħajja tal-kreattività kollettiva tal-poplu Malti – wirt li ġie ffurmat tul sekli sħaħ u li jkompli jissaħħaħ permezz ta’ investiment kontinwu, sabiex tinżamm u tissaħħaħ l-identità kulturali Maltija kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali. Huwa rrimarka wkoll li l-fatt li din il-wirja qed tittella’ fil-Parlament Ewropew huwa rikonoxximent ċar lejn l-artisti, id-disinjaturi, il-bennejja tal-karrijiet u l-voluntiera kollha li sena wara sena jagħtu ħinhom u l-impenn tagħhom biex jagħtu l-ħajja lill-Karnival.
Min-naħa tiegħu, Alex Agius Saliba qal li din hija opportunità biex il-Parlament Ewropew japprezza mill-qrib it-talent Malti. Huwa ddeskriva l-Karnival bħala tradizzjoni ħajja li tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet u li tibqa’ tesprimi identità, immaġinazzjoni u sens ta’ kburija nazzjonali.
Il-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef sostna li l-Karnival Malti mhux biss huwa ċelebrazzjoni ta’ dak li jagħmilna Maltin, iżda wkoll parti mill-wirt kulturali komuni Ewropew. Huwa rrefera għall-inizjattiva Culture Compass for Europe, li għandha l-għan li tiżgura aċċess usa’ għall-kultura, speċjalment fost iż-żgħażagħ, kemm bħala parteċipanti kif ukoll bħala kreaturi. Dan, sostna, huwa essenzjali biex il-wirt kulturali jibqa’ ħaj, aċċessibbli u relevanti għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli, qal li huwa ta’ privileġġ għall-Kunsill li jappoġġja din il-wirja fil-Parlament Ewropew. Huwa sostna li l-esebizzjoni mhijiex biss ċelebrazzjoni tal-kulur u l-ispettaklu, iżda stedina biex wieħed jifhem il-fond kulturali li sawwar il-Karnival Malti tul aktar minn ħames sekli. F’kuntest Ewropew, kompla jgħid, il-Karnival Malti jikkontribwixxi għal wirt komuni li jgħaqqad il-popli, filwaqt li jibqa’ espressjoni distintament Maltija bil-lingwa, l-umoriżmu u l-kreattività tiegħu.
Il-wirja toffri vjaġġ storiku li juri l-evoluzzjoni tal-Karnival Malti, b’sezzjonijiet iddedikati għall-arti tal-kostumi, is-sengħa tal-bini tal-karrijiet, it-tradizzjonijiet tas-satira bħall-Qarċilla, l-ikel tipiku bħall-prinjolata, kif ukoll il-logħob u r-rimi tradizzjonali tat-tfal. L-esperjenza ta’ realtà virtwali tippermetti lill-viżitaturi jesperjenzaw il-parata tal-Karnival b’mod interattiv u immersiv.
L-esebizzjoni qed tittella’ taħt id-direzzjoni artistika ta’ Daniel Cauchi mill-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti u bis-sehem ta’ diversi artisti u għaqdiet attivi fil-Karnival Malti. Se tibqa’ miftuħa fil-Parlament Ewropew fi Brussell matul din il-ġimgħa.
Ritratti: MCLG















