Il-Prim Ministru Robert Abela nieda uffiċjalment il-Viżjoni Malta 2050 waqt attività f’Pjazza Tritoni, u sejħilha wegħda kollettiva ta’ poplu sħiħ li jrid jilħaq l-aqwa potenzjal tiegħu.
Din il-viżjoni fit-tul, li ġiet iffurmata wara konsultazzjoni wiesgħa u studji kemm lokali kif ukoll internazzjonali, tħares lejn l-24 sena li ġejjin u timmira li tibdel l-isfidi tal-futur f’opportunitajiet konkreti. Il-Prim Ministru saħaq li d-dinja qed tinbidel b’pass mgħaġġel u għalhekk ma jistax jibqa’ jsir ippjanar fuq perjodu qasir ta’ leġiżlatura biss. Huwa sostna li l-Viżjoni Malta 2050 hija l-ewwel pjan komprensiv fit-tul għal pajjiżna.
Skont Dr Abela, Malta diġà wriet li kapaċi tikseb suċċessi kbar u saret waħda mill-aktar ekonomiji b’saħħithom fl-Ewropa. Issa, qal, wasal iż-żmien li nagħmlu qabża oħra ’l quddiem u nidħlu f’kapitlu ġdid li jiffoka mhux biss fuq il-ġid ekonomiku, iżda fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Il-viżjoni hija mibnija fuq missjoni ċentrali: li jinħoloq nazzjon sigur u reżiljenti, imnebbah mill-wirt tiegħu u mmexxi mill-progress, li joffri kwalità ta’ ħajja sana għal kulħadd. Din tistrieħ fuq erba’ pilastri ewlenin:
-
Tkabbir sostenibbli
-
Servizzi pubbliċi aktar aċċessibbli
-
Pajjiż aktar reżiljenti b’edukazzjoni moderna
-
Użu aktar għaqli tal-art u tal-baħar
Il-Prim Ministru spjega li s-suċċess tal-pajjiż se jibda jitkejjel b’mod ġdid — mhux biss fuq kemm jinħoloq ġid, iżda fuq l-impatt dirett fuq il-ħajja tan-nies. Għalhekk ġew stabbiliti tliet indikaturi ewlenin:
L-ewwel huwa l-Human Development Index tan-NU, fejn Malta bħalissa tinsab fl-24 post fid-dinja. Il-mira hija li sal-2035 tidħol fost l-ewwel 20 pajjiż, u sal-2050 fost l-ewwel 10.
It-tieni huwa l-EU Median Disposable Income Index, li jkejjel kemm verament jibqa’ flus fil-bwiet tan-nies. L-għan huwa li sal-2035 Malta tilħaq il-livell ta’ Franza u sal-2050 tersaq lejn dak tal-Finlandja.
It-tielet indikatur huwa l-indiċi Ewropew tal-benesseri u l-esperjenza ġenerali tal-ħajja, fejn Malta diġà tinsab fid-9 post fl-UE. Il-mira hija li titla’ fost l-ewwel 8 sal-2035 u mal-ewwel 5 sal-2050.
Il-viżjoni tinkludi mitt miżura konkreta, fosthom sitt proġetti ewlenin meqjusa bħala ċ-ċentru tal-bidla:
-
Sistema ta’ trasport aktar effiċjenti
-
Investiment u tisħiħ fis-settur tas-saħħa
-
Edukazzjoni u ħiliet imfassla għall-futur
-
Enerġija nadifa u azzjoni klimatika
-
Malta aktar ħadra permezz ta’ parks nazzjonali
-
Riġenerazzjoni tal-portijiet
It-twettiq ta’ dawn il-miżuri se jiġi mmonitorjat permezz tas-sit maltavision.mt, biex il-progress ikun trasparenti u mkejjel b’mod regolari.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, li tkellem ukoll waqt it-tnedija, qal li din il-viżjoni mhijiex biss dwar tkabbir ekonomiku, iżda dwar tkabbir ta’ kwalità li jipproteġi l-futur tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Huwa enfasizza li l-futur jinbena deċiżjoni b’deċiżjoni u li Malta għażlet triq kuraġġuża li tinvesti fl-eċċellenza llum biex tiggarantixxi kwalità ta’ ħajja aħjar għada.
It-tnedija kienet akkumpanjata minn mument simboliku fejn diversi Maltin ta’ suċċess, fosthom Haley Bugeja, Neil Agius u Ira Losco, flimkien ma’ tfal u żgħażagħ, għamlu wegħdiet f’isem il-pajjiż — wegħdiet ta’ reżiljenza, determinazzjoni u fiduċja fihom infushom, valuri li suppost iwasslu biex din il-viżjoni ssir realtà.
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-Viżjoni Malta 2050 mhijiex biss dokument, iżda mod ġdid ta’ kif pajjiżna għandu jimxi ’l quddiem — b’iżvilupp bilanċjat, opportunitajiet għal kulħadd u Malta aħjar minn dik li sibna.
Ritratti: OPM/DOI













