It-Tnejn filgħodu, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono kellha udjenza privata mal-Papa Ljun XIV fil-Vatikan. Hija ddeskriviet din il-laqgħa bħala waħda sinifikanti u ta’ valur kbir, fejn iddiskutew temi importanti, speċjalment is-sitwazzjoni internazzjonali, inkluż dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani.
Matul il-konversazzjoni tagħhom, tkellmu wkoll dwar ir-relazzjonijiet b’saħħithom li jeżistu bejn Malta u s-Santa Sede, kif ukoll dwar il-kooperazzjoni kontinwa bejn il-Knisja u l-Istat Malti. Il-Papa wera interess partikolari f’Malta u semma l-Provinċja Agostinjana Maltija. Il-President irreferiet għall-istedina li saritlu biex iżur pajjiżna, stedina li kienet diġà għaddielu l-Prim Ministru Robert Abela, u li hija reġgħet tenfasizzat. Il-Papa ma eskludiex li, wara ż-żjarat li għandu skedati, jista’ jżur Malta.
Wara l-udjenza privata, saret laqgħa mad-delegazzjoni Maltija, li għaliha attendew id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede Frank Zammit, u s-Segretarju tal-Presidenza Moira Attard, flimkien ma’ uffiċjali oħra.
F’din l-okkażjoni sar ukoll skambju ta’ rigali. Il-President, f’isem il-poplu Malti, tat riljev fil-bronż ta’ San Pawl, xogħol tal-artist Chris Ebejer, bħala rigal lill-Papa fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu. Barra minn hekk, il-Presidenza kienet diġà tat donazzjoni li permezz tagħha nxtraw apparat mediku ġdid għall-klinika Ambulatorio Madre di Misericordia, li toffri servizzi mediċi bla ħlas lil pazjenti b’bżonnijiet materjali akuti. L-ewwel pazjenta li bbenefikat minn dan l-apparat speċjalizzat kienet Peruvjana mill-eks djoċesi tal-Papa Ljun XIV.
Wara, il-President mexxiet id-delegazzjoni Maltija għal laqgħa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, flimkien mal-Arċisqof Paul R. Gallagher, li hu responsabbli mir-relazzjonijiet mal-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. F’din il-laqgħa ġew diskussi temi relatati mas-sitwazzjoni internazzjonali, bl-enfasi fuq il-bżonn tad-djalogu u l-paċi fid-dinja. Ġew imsemmija wkoll l-immigrazzjoni, is-sitwazzjoni demografika, u r-relazzjonijiet tajbin bejn Malta u s-Santa Sede.













