Il-Gvern Malti u UnitelmaSapienza, l-università online fi ħdan l-istituzzjoni prestiġjuża Sapienza Università di Roma, iffirmaw ftehim li jistabbilixxi qafas ta’ kooperazzjoni strutturat bil-għan li tiġi mistħarrġa l-possibbiltà ta’ preżenza ta’ din l-università f’Malta.
Il-ftehim ġie ffirmat f’Ruma mir-Rettur ta’ UnitelmaSapienza, il-Professur Bruno Botta, u mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja, Daniel Azzopardi, fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, flimkien ma’ uffiċjali oħrajn.
Dan il-pass isegwi ż-żjara li l-Professur Botta għamel f’Malta s-sena li għaddiet, fejn kien iltaqa’ mad-Deputat Prim Ministru fil-Belt Valletta. Il-ftehim jipprevedi pjan ta’ ħidma sabiex jiġu evalwati opportunitajiet konkreti għal preżenza akkademika f’Malta, kif ukoll għall-għoti ta’ servizzi akkademiċi u professjonali f’oqsma ta’ importanza għall-ekonomija Maltija. Jinkludi wkoll kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, b’attenzjoni partikolari lejn oqsma rilevanti għad-diplomatiċi u uffiċjali pubbliċi Maltin.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg faħħar il-kollaborazzjoni bejn UnitelmaSapienza u l-awtoritajiet Maltin, fosthom EducationMalta, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u l-Ambaxxata ta’ Malta f’Ruma, talli fi żmien relattivament qasir wasslu għat-twettiq ta’ dan il-ftehim.
Huwa sostna li dan il-pass se jsaħħaħ l-iżvilupp tal-istudenti u tal-akkademiċi fiż-żewġ pajjiżi u jiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ valur miżjud. Enfasizza li edukazzjoni ta’ kwalità tibqa’ l-aktar mezz effettiv biex tissaħħaħ l-ugwaljanza, ir-reżiljenza u l-prosperità, u ħeġġeġ liż-żewġ naħat jużaw il-potenzjal tagħhom biex dan il-ftehim jitwettaq b’mod konkret u sostenibbli.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Botta qal li l-ftehim jirrifletti impenn komuni biex jissaħħu r-rabtiet akkademiċi u istituzzjonali bejn Malta u l-Italja, filwaqt li saħaq fuq l-importanza tad-djalogu internazzjonali u l-iskambju tal-għarfien bħala muturi tal-iżvilupp.
L-Ambaxxatur Daniel Azzopardi rrimarka li dan il-ftehim jippermetti fokus aktar ċar fuq oqsma speċifiċi ta’ kooperazzjoni, bl-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u UnitelmaSapienza, bħala l-fergħa diġitali ta’ waħda mill-aktar universitajiet prominenti fl-Ewropa.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali Mauro Giustozzi, il-Viċi Retturi Rosella Castellano u Pier Luigi Petrillo, kif ukoll il-Kap tal-Uffiċċju tal-Internazzjonalizzazzjoni, Maria Grazia Semilia.
Ritratt: MFT








