Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, flimkien mad-Direttur tal-Esplora Vince Micallef Pulè, nedew il-programm “An eARThistic Easter” 2026 – programm estensiv ta’ attivitajiet tal-Għid li se jsiru fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza Esplora, b’enfasi fuq l-esplorazzjoni tan-natura permezz tax-xjenza u l-arti.
Il-programm se jsir bejn is-6 u t-12 ta’ April 2026 u huwa mibni fuq l-approċċ STEAM, li jgħaqqad flimkien ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika. Din l-inizjattiva, li taqa’ taħt Xjenza Malta, għandha l-għan li toħloq spazji edukattivi u interattivi fejn it-tfal u l-familji jistgħu jiskopru kif in-natura tesprimi ruħha permezz tal-ħoss, il-mudelli u l-moviment, filwaqt li jiżviluppaw il-ħsieb kritiku u l-ħiliet tas-soluzzjoni tal-problemi f’ambjent informali.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li inizjattivi bħal dawn ikomplu jsaħħu l-impenn ta’ Malta lejn edukazzjoni STEAM ta’ kwalità u lejn it-tagħlim informali fix-xjenza. Huwa spjega li ambjenti esperjenzjali bħall-Esplora għandhom rwol importanti biex jikkumplimentaw l-edukazzjoni formali billi joffru opportunitajiet prattiċi u attraenti għat-tfal u l-familji tagħhom. Skontu, dawn il-kompetenzi huma essenzjali biex iż-żgħażagħ jitħejjew isiru ċittadini responsabbli li kapaċi jadattaw għal dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel.
Id-Direttur tal-Esplora Vince Micallef Pulè qal li l-programm għandu wkoll l-għan li jrawwem aktar kuxjenza ambjentali u li joffri aċċess inklużiv għall-edukazzjoni fix-xjenza għall-familji kollha. Huwa spjega li permezz ta’ attivitajiet prattiċi mfassla b’attenzjoni, it-tfal u l-familji se jkunu mħeġġa josservaw fenomeni naturali u jesperimentaw b’diversi materjali ispirati mill-ambjent. Żied jgħid li l-għan huwa li jintwera kif l-esplorazzjoni xjentifika tista’ sseħħ ukoll permezz tal-logħob u l-kreattività, u stieden lill-familji jżuru l-Esplora għal esperjenza sigura u stimulanti li tħeġġeġ il-kurżità u l-ħsieb kreattiv.
Matul il-ġimgħa tal-festival se jsiru diversi attivitajiet, fosthom wirjiet interattivi tax-xjenza, workshops kreattivi u esperjenzi sensorji mfassla għal etajiet differenti. L-attivitajiet se jindirizzaw temi bħall-komunikazzjoni tal-annimali, il-bijomekkanika fin-natura u t-teorija tad-dawl u l-kulur, kif ukoll esperjenzi sensorji speċjalizzati għat-tfal fl-istadji bikrija tal-iżvilupp. Dan kollu biex tiġi mħeġġa parteċipazzjoni inklużiva u adattata għall-etajiet differenti tat-tfal.
Għal aktar informazzjoni u biex wieħed jixtri l-biljetti, wieħed jista’ jżur is-sit www.showshappening.com jew il-paġna uffiċjali tal-Esplora.










