Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma, ippreżentaw l-għotjiet tal-iskemi BOOST u INVEST lil numru ta’ għaqdiet taż-żgħażagħ. Dan l-investiment jagħmel parti mill-impenn fit-tul tal-Gvern biex isaħħaħ ir-rwol taż-żgħażagħ bħala ċittadini attivi li jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà.
Permezz tal-iskema BOOST, 131 benefiċjarju se jirċievu kważi €380,000 biex jixtru riżorsi u apparat essenzjali għall-ħidma tagħhom. L-għan ta’ din l-iskema huwa li tgħin lill-organizzazzjonijiet volontarji jsaħħu l-kapaċità tagħhom u jtejbu l-kwalità tal-attivitajiet li joffru.
Fl-istess waqt, l-iskema INVEST se tipprovdi appoġġ għall-operat ta’ disa’ organizzazzjonijiet għal perjodu ta’ tliet snin. Għas-sena 2026 biss, din l-iskema għandha baġit ta’ kważi €123,000, bil-għan li tkompli ttejjeb il-livell u l-kwalità tas-servizzi offruti liż-żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li dan l-investiment juri b’mod ċar kemm il-Gvern jemmen fil-potenzjal taż-żgħażagħ. Huwa sostna li dawn l-għotjiet mhumiex biss appoġġ finanzjarju, iżda wkoll sinjal ta’ fiduċja fl-għaqdiet taż-żgħażagħ li jaħdmu kuljum biex isaħħu d-demokrazija u l-parteċipazzjoni fil-komunità.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li l-iskemi BOOST u INVEST huma parti minn ħidma usa’ biex jinbena settur taż-żgħażagħ aktar b’saħħtu u professjonali. Hija spjegat li permezz tas-Self-Assessment Tool żviluppata mill-Aġenzija fl-2023, qed jiġi assigurat li l-organizzazzjonijiet volontarji joperaw skont standards għoljin ta’ kwalità.
Teuma rringrazzjat lill-benefiċjarji kollha tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom lejn il-komunità, filwaqt li ħeġġiġhom ikomplu jinvestu fin-nies li jmexxu dawn l-organizzazzjonijiet.
Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, l-Aġenzija Żgħażagħ qed tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet volontarji billi tappoġġja kemm l-ispejjeż tal-persunal kif ukoll ir-riżorsi meħtieġa. L-investiment totali ta’ aktar minn €500,000 juri l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jappoġġja lill-voluntiera li huma s-sinsla tal-komunitajiet tagħna u ta’ futur aħjar għal pajjiżna.











