Studju ġdid dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Kunsilli Lokali juri li matul is-snin il-preżenza tan-nisa fil-politika lokali kompliet tiżdied. Dan l-istudju, ikkummissjonat mill-Gvern u mwettaq mill-Università ta’ Malta taħt it-tmexxija tal-Prof. Carmen Sammut u l-Prof. Vincent Marmara, juri li n-numru ta’ nisa eletti fil-Kunsilli Lokali kważi rdoppja mill-1993 sal-2024. Fil-fatt, meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali kien hemm 13.5% nisa eletti, filwaqt li wara l-elezzjonijiet tal-2024 dan il-perċentwal tela’ għal 28.2%.
Ir-riżultati tal-istudju ġew ippreżentati waqt konferenza mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg. Huma spjegaw li din ir-riċerka tifforma parti minn inizjattiva usa’ li ġejja minn wegħda elettorali fil-manifest ‘Malta Flimkien’.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li ħafna nisa fil-politika nazzjonali bdew il-vjaġġ tagħhom mill-Kunsilli Lokali, inkluż hi stess li serviet bħala sindku. Hija sostniet li politika bilanċjata ma tistax teżisti mingħajr il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tal-governanza.
Hija saħqet li l-mara għandha rwol kruċjali fis-soċjetà Maltija – fil-familja, fil-komunità u fl-ekonomija – u għalhekk huwa importanti li jkollha wkoll rappreżentanza xierqa fl-amministrazzjoni u fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli tkellmet ukoll dwar il-ħtieġa li jingħelbu l-isterjotipi u li nkomplu nħeġġu iktar inklużjoni. Spjegat li l-istudju jgħin biex nifhmu aħjar l-isfidi li jiltaqgħu magħhom in-nisa meta jikkunsidraw li jikkontestaw elezzjoni tal-kunsill lokali.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li r-riċerka tidentifika wkoll ir-raġunijiet għaliex għad hemm nuqqas ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika lokali. Hija qalet li r-rapport għandu jservi bħala bażi għal pjan ta’ azzjoni li jwassal biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati wkoll prattiki tajbin minn pajjiżi oħra Ewropej.
Buttigieg saħqet li rappreżentanza ugwali hija dritt fundamentali u mhux privileġġ. Qalet li huwa essenzjali li l-perspettiva tan-nisa tkun parti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi. Żiedet li l-għan mhuwiex li n-nisa jingħataw privileġġi, iżda li jkollhom rispett, dinjità u opportunitajiet ugwali.
Fl-aħħar nett, iż-żewġ Segretarji Parlamentari laqgħu r-rakkomandazzjonijiet tal-istudju u enfasizzaw l-importanza ta’ aktar taħriġ, komunikazzjoni u koperazzjoni mal-partiti politiċi sabiex fil-futur tintlaħaq rappreżentanza aktar ġusta u bilanċjata.












