Programm televiżiv ġdid se jġib lill-udjenza eqreb lejn it-tradizzjonijiet u d-devozzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta u Għawdex. Il-programm, li jġib l-isem “INRI”, se jkun stil dokumentarju li juri l-kult u t-tifsira spiritwali ta’ dawn it-tradizzjonijiet, filwaqt li jesplora wkoll kif dawn inbidlu u evolvew matul is-snin. Il-Ġimgħa l-Kbira hija waħda mill-aktar ġranet importanti fil-kalendarju liturġiku Nisrani, fejn il-fidili jfakkru l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù Kristu.
Tul ħames episodji, il-programm se jżur diversi lokalitajiet Maltin fejn issir il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, biex juri l-elementi kulturali, artistiċi u reliġjużi li jiffurmaw parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Il-produzzjoni se twassal ukoll lill-udjenza f’Għawdex, fejn se tiġi esplorata kif il-kult tal-Ġimgħa l-Kbira jiġi espress hemmhekk u kif dawn id-devozzjonijiet għandhom karattru distint minn lokalità għal oħra.
Il-programm se jixħet ukoll dawl fuq diversi espressjonijiet ta’ devozzjoni popolari, fosthom il-qima lejn il-kurċifissi u x-xbihat ta’ Ġesù, li għal ħafna fidili huma simbolu qawwi ta’ fidi u tradizzjoni.
Matul is-serje, Prof. Cassar se jkun qed joffri spjegazzjonijiet storici u kulturali dwar l-oriġini ta’ dawn it-tradizzjonijiet. Permezz tal-interventi tiegħu, it-telespettaturi se jifhmu aħjar minn fejn bdiet it-tradizzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta u kif, matul iż-żmien, din adattat ruħha għall-bidliet soċjali u kulturali tal-pajjiż.
“INRI” għalhekk se jkun vjaġġ kulturali u spiritwali li jlaqqa’ flimkien storja, devozzjoni u tradizzjoni, filwaqt li jagħti ħarsa aktar profonda lejn wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti fil-wirt reliġjuż Malti.








