Il-Ġimgħa filgħaxija ngħata bidu uffiċjali għall-attività “Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni” fil-Kastell Verdala, b’kunċert mill-Kor San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa li offra mumenti ta’ mużika u riflessjoni marbuta mal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Din l-inizjattiva hija miftuħa għall-pubbliku u tippreżenta esperjenza kulturali u spiritwali unika, fejn dawk li jżuruha jistgħu jaraw għadd ta’ artifatti rari u ta’ valur storiku kbir. Fosthom hemm esebiti li qatt ma kienu esposti qabel, kif ukoll xogħlijiet ta’ artisti Maltin magħrufa bħal Antonio Sciortino, Antonio Mifsud, Christ Ebejer u membri tal-familja Camilleri Cauchi.
Matul dawn il-jiem, il-programm jinkludi seba’ kunċerti u ħames diskussjonijiet, flimkien ma’ wirjiet ta’ abbozzi, esebiti u vestwarju relatati mat-tradizzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Se jsiru wkoll diversi purċissjonijiet u attivitajiet mużikali, fosthom il-Purċissjoni Penitenzjali u anke l-Purċissjoni s-Sewda, li din is-sena qed issir barra l-Birgu għall-ewwel darba.
Il-viżitaturi jistgħu jaraw ukoll kollezzjonijiet privati ta’ santi u kurċifissi, dokumenti storiċi u xogħlijiet ta’ arti kontemporanja. Fost l-oġġetti esebiti hemm ukoll artifatti li jmorru lura għal sekli sħaħ, inkluż oġġetti tal-Ġimgħa l-Kbira mill-1784, relikwarju tal-1753, xbigħa li kienet tintuża mill-Kavallieri ta’ San Ġwann waqt il-funzjonijiet reliġjużi tagħhom, kif ukoll statwi tas-seklu 19.
Parti mill-esperjenza tinkludi wkoll kollezzjoni ta’ kotba antiki, fosthom xi wħud li kienu jintużaw minn Gran Mastri għat-talb privat tagħhom.
Matul l-attività, is-swali tal-Kastell Verdala nbidlu f’xeni differenti b’statwi ta’ daqs naturali. Fost l-aktar attrazzjonijiet hemm Kurċifiss antik u artistiku li jintuża fil-Purċissjoni s-Sewda tal-Birgu.
Barra minn hekk, il-pubbliku qed jingħata aċċess għal partijiet tal-kastell li normalment ma jkunux miftuħa, inkluż l-istalel mibnija fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann fil-bidu tas-seklu 18 mill-Gran Mastru António Manoel de Vilhena. F’dawn l-istalel qed tittella’ wkoll wirja ta’ pitturi relatati mal-Ġimgħa l-Kbira, li tagħti dimensjoni oħra lill-esperjenza kulturali.
Il-biljett għall-attività jiswa €10 u jagħti aċċess għal ġurnata sħiħa ta’ attivitajiet fil-Kastell Verdala. Il-biljetti jistgħu jinxtraw online jew inkella direttament mal-bieb.
Ritratti: OPR













