Villa Frere f’Tal-Pietà hija sit ta’ valur storiku u kulturali importanti għal Malta. Illum madwar 15-il voluntier qed jagħtu s-sehem tagħhom biex dan il-post jerġa’ jieħu l-ħajja, hekk kif permezz tal-ħidma u l-impenn tagħhom il-ġonna ġew imnaddfa, imtejba u restawrati. Grazzi għal dan ix-xogħol, il-ġonna jinfetħu għall-pubbliku darba fix-xahar sabiex kulħadd ikun jista’ jgawdi u japprezza dan il-wirt storiku.
Fl-2019, Heritage Malta għaddiet l-amministrazzjoni tal-ġonna lill-għaqda Friends of Villa Frere. Sena wara, kemm il-villa kif ukoll il-ġonna tagħha ġew skedati Grad 1 mill-Awtorità tal-Ippjanar. Matul dawn l-aħħar snin sar ukoll restawr fuq Villa Hay, binja li tinsab fil-ġonna u li fil-passat kienet tintuża bħala post ta’ mistrieħ għal mart Hookham Frere.
Waqt żjara fuq is-sit, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar il-ħidma tal-voluntiera u sostna li l-impenn tagħhom juri kemm il-parteċipazzjoni ċivika tista’ tkun kruċjali fil-ħarsien tal-wirt nazzjonali. Huwa spjega li dan ix-xogħol jirrifletti wkoll il-prinċipji tal-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn futur fejn il-wirt kulturali, il-komunità u l-iżvilupp sostenibbli jimxu flimkien għall-ġid tas-soċjetà.
Ix-xogħol fuq dan is-sit storiku għadu għaddej u fil-futur qarib mistenni jidħol f’fażi ġdida, hekk kif il-villa mistennija terġa’ tingħaqad mal-ġonna tagħha. Fl-istess waqt qed jiġu studjati pjanijiet għall-użu futur tal-proprjetà, filwaqt li qed jitqies ukoll il-kuntest storiku u kulturali usa’ taż-żona, b’mod partikolari l-konnessjoni ma’ Villa Guardamangia.
Il-villa tieħu isimha minn John Hookham Frere, studjuż u poeta Ingliż li fl-1820 ġie jgħix Malta flimkien ma’ martu u oħtu. Huwa kera biċċa art kbira max-xatt tal-Pietà, li aktar tard ġiet żviluppata f’dik li llum nafu bħala Villa Frere u l-ġonna tagħha.
Hookham Frere kien ukoll il-moħħ wara t-twaqqif u t-tisbiħ tal-ġonna, li fihom daħħal diversi elementi dekorattivi u arkitettoniċi li jagħmluhom post uniku. Huwa kellu wkoll relazzjoni mill-qrib mal-istudjuż Malti Mikiel Anton Vassalli, li għenu jirritorna Malta mill-eżilju. Jingħad li fil-ġonna ta’ din il-villa kienu jqattgħu sigħat twal jiddiskutu dwar il-lingwa u l-kultura Maltija, tant li xi wħud iqisu lil dan il-post bħala wieħed mill-ispazji fejn bdiet tieħu forma l-lingwa Maltija miktuba.
Wara l-mewt ta’ Hookham Frere fl-1846, il-villa għaddiet minn idejn diversi sidien. Fl-1952 inbiegħet lil familja privata u għal snin twal intużat bħala negozju sa żminijiet relattivament riċenti.
Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll rappreżentant minn Heritage Malta, Kenneth Gambin, kif ukoll is-Sindku tal-Pietà, Stefano Savo.











