Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, mexxa t-72 laqgħa tal-Grupp t’Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG). Din kienet il-ħames laqgħa li mexxa minn meta ġie elett f’din il-kariga f’Ottubru tal-2024.
Il-laqgħa saret f’Londra fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fil-kuntest tal-attivitajiet marbuta ma’ Jum il-Commonwealth, li ġie ċċelebrat it-Tnejn 9 ta’ Marzu. F’dawn l-attivitajiet Malta ngħaqdet ma’ 56 pajjiż membru ieħor tal-Commonwealth biex terġa’ tafferma l-impenn tagħha lejn il-kooperazzjoni internazzjonali u l-multilateraliżmu, f’perjodu ta’ sfidi u inċertezzi ġeopolitiċi.
Matul il-laqgħa tas-CMAG, il-membri ddiskutew l-iżviluppi reċenti f’diversi pajjiżi tal-Commonwealth, fosthom il-Gabon u t-Tanzanija. Dr Borg sostna li huwa importanti li l-pajjiżi membri jibqgħu jmexxu ’l quddiem il-valuri fundamentali tal-Commonwealth, fosthom id-demokrazija, is-saltna tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni.
Huwa rringrazzja wkoll lill-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali Shirley Botchwey għall-appoġġ kontinwu, u faħħar lill-membri tas-CMAG għall-impenn tagħhom fil-ħidma tal-grupp.
Minbarra Malta, il-Grupp jinkludi rappreżentanti minn Antigua u Barbuda, il-Botswana, il-Kanada, Grenada, il-Malasja, Mauritius, Samoa u ż-Żambja.
Fi stqarrija maħruġa wara l-laqgħa, il-membri tas-CMAG esprimew tħassib dwar it-theddid dejjem jiżdied lejn id-demokrazija, u enfasizzaw li istituzzjonijiet demokratiċi b’saħħithom u r-rispett lejn is-saltna tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, għas-sigurtà u għall-paċi.
Waqt iż-żjara tiegħu f’Londra, Dr Borg attenda wkoll attività interreliġjuża f’Westminster Abbey biex jitfakkar is-77 anniversarju tal-Commonwealth. Aktar tard, waqt riċeviment f’St James’s Palace, huwa ltaqa’ mar-Re Karlu III u mar-Reġina Camilla.
Barra minn hekk, id-Deputat Prim Ministru ħa sehem fis-26 laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Commonwealth, li saret f’Lancaster House, fejn ġew diskussi modi kif jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjoni biex taffaċċja l-isfidi globali u tippromwovi prosperità għall-2.7 biljun persuna li tirrappreżenta.
Fil-marġini tal-attivitajiet, Dr Borg kellu wkoll laqgħat bilaterali ma’ diversi uffiċjali internazzjonali, fosthom il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Antigua u Barbuda Everly Paul Chet Greene, is-Segretarju Parlamentari Kanadiż Robert Oliphant, u l-Prim Segretarju tal-Kabinett tal-Kenja Musalia Mudavadi.












