Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva nieda l-ewwel Strateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju għall-perjodu 2026–2031. Din l-istrateġija għandha l-għan li tmexxi u ssaħħaħ il-ħidma tal-pajjiż biex titnaqqas ir-riskju tas-suwiċidju, permezz ta’ miżuri li jiffukaw fuq il-prevenzjoni, l-intervent bikri u l-appoġġ lil dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet ta’ saħħa mentali.
Id-dokument ġie ppreparat mis-Servizzi tas-Saħħa Mentali u joffri qafas komprensiv ta’ azzjonijiet biex jitjiebu s-servizzi u tiżdied l-għajnuna għal persuni vulnerabbli. L-istrateġija tibni wkoll fuq il-ħidma li diġà qed issir permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali 2020–2030 u hija marbuta mal-Viżjoni Malta 2050, li tagħti importanza kbira lill-benesseri u s-saħħa mentali tal-poplu Malti.
Il-Ministru għas-Saħħa u għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, irringrazzja lill-esperti u lill-entitajiet kollha li taw is-sehem tagħhom fit-tħejjija tal-istrateġija, b’mod partikolari lil Dr Antonella Sammut li mexxiet ir-riċerka u ħejjiet l-ewwel abbozz.
Il-Ministru spjega li minkejja li Malta għandha fost l-inqas rati ta’ mwiet b’suwiċidju fl-Ewropa, kull każ jibqa’ traġedja li tħalli effett profond fuq il-familji u s-soċjetà kollha. Huwa saħaq li għalhekk huwa importanti li jkomplu jissaħħu s-servizzi u jiżdied l-għarfien dwar il-prevenzjoni.
L-istrateġija tinkludi diversi miżuri biex titqajjem aktar kuxjenza, jitjieb l-aċċess għas-servizzi u jitħeġġeġ intervent aktar bikri. Ġie enfasizzat ukoll li l-prevenzjoni tas-suwiċidju mhijiex biss responsabbiltà tas-settur tas-saħħa, iżda teħtieġ il-kollaborazzjoni tas-setturi kollha u tal-komunità.
F’Malta diġà jeżistu diversi servizzi ta’ appoġġ u intervent f’każ ta’ kriżi, fosthom is-servizz ta’ emerġenza tal-psikjatrija li jopera 24 siegħa kuljum mill-Isptar Mater Dei, timijiet ta’ intervent fid-djar, servizzi speċjalizzati għat-tfal u l-adolexxenti, kif ukoll il-helpline nazzjonali 1579.
Il-Ministru Abela semma wkoll li s-soċjetà qed tiffaċċja sfidi ġodda, fosthom l-effetti li ħalliet il-pandemija tal-COVID-19 fuq is-saħħa mentali. Għalhekk, din l-istrateġija hija maħsuba biex tirrispondi għal dawn ir-realtajiet b’mod aktar proattiv u inklussiv.
Huwa temm jgħid li l-messaġġ ewlieni ta’ din l-inizjattiva huwa li kull ħajja għandha valur u li, permezz ta’ ħidma kollettiva, nistgħu nibnu soċjetà li tifhem aktar, tappoġġja aktar u toffri tama lil min ikun għaddej minn żmien diffiċli.








