Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti nieda l-inizjattiva Renewal Spring Camps, organizzata mill-Aġenzija Żgħażagħ bit-tema Reset, Refocus, Revise. Dawn il-camps huma maħsuba biex joffru opportunità liż-żgħażagħ biex matul il-vaganzi tar-rebbiegħa jieħdu pawża attiva, jirriflettu u jippreparaw ruħhom aħjar għall-perjodu li ġej.
Fl-okkażjoni tat-tnedija, Keith Azzopardi Tanti enfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ ikollhom spazji fejn jistgħu jieqfu mill-pressjonijiet ta’ kuljum u jerġgħu jġeddu l-enerġija tagħhom. Huwa spjega li l-perjodu tal-Għid jista’ jkun ukoll mument ta’ riflessjoni u tkabbir personali, u li inizjattivi bħal dawn jgħinu biex iż-żgħażagħ jiżviluppaw mhux biss fl-istudji tagħhom iżda wkoll fil-benesseri personali tagħhom.
Min-naħa tiegħu, Simon Schembri, Manager tal-Community and Outreach fl-Aġenzija Żgħażagħ, ta aktar dettalji dwar il-programm. Huwa spjega li l-camps huma mmirati għal żgħażagħ bejn it-12 u s-16-il sena u huma mfassla biex jgħinuhom jibnu rutini aktar b’saħħithom, isaħħu l-fokus tagħhom u jħejju ruħhom aħjar qabel jerġgħu jibdew l-iskola. Permezz ta’ diversi workshops u attivitajiet interattivi, il-parteċipanti se jkunu mħeġġa jsibu aktar motivazzjoni u kunfidenza biex jindirizzaw l-isfidi kemm akkademiċi kif ukoll personali.
Il-programm tar-Renewal Spring Camps se jiffoka fuq tliet oqsma ewlenin:
-
Il-bilanċ emozzjonali, permezz ta’ attivitajiet ta’ benesseri u riflessjoni;
-
Id-dinja diġitali, biex iż-żgħażagħ jitgħallmu jużaw it-teknoloġija b’mod aktar responsabbli u konxju;
-
It-tħejjija għall-eżamijiet, b’workshops li jiffokaw fuq ħiliet ta’ studju u tekniki ta’ reviżjoni.
Fl-aħħar tal-attività, is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-Aġenzija Żgħażagħ għall-ħidma tagħha maż-żgħażagħ u ħeġġeġ lil min hu interessat biex jieħu sehem f’din l-inizjattiva.
Aktar informazzjoni u applikazzjonijiet jistgħu jsiru online fuq youth.gov.mt.











