L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, irċieva żjara ta’ kortesija mid-Direttur Alex Farrugia flimkien ma’ Karen Mamo, manager fi ħdan id-Direttorat tal-Kultura. Matul din il-laqgħa, l-Ispeaker ġie ppreżentat b’pubblikazzjoni li tiġbor fil-qosor l-attivitajiet li saru matul l-ewwel sentejn tal-Malta Festival of Ideas, inizjattiva li għandha l-għan li tħeġġeġ id-djalogu u l-ħsieb dwar diversi temi kulturali u soċjali.
Fl-istess waqt ġie ppreżentat ukoll il-Cultural Annual, pubblikazzjoni ta’ riċerka li tħares lejn diversi aspetti tal-kultura Maltija. Din tinkludi studji dwar il-lingwa Maltija, il-wirt kulturali, kif ukoll l-arti u l-letteratura, bil-għan li ssaħħaħ l-għarfien u l-apprezzament tal-identità kulturali ta’ Malta.
L-Ispeaker Farrugia faħħar il-ħidma tad-Direttorat tal-Kultura li qed tkompli tippromwovi u tistudja l-kultura Maltija, u enfasizza kemm huma importanti inizjattivi bħal dawn biex jinkoraġġixxu aktar djalogu, skambju ta’ ideat u riflessjoni dwar il-valuri kulturali fis-soċjetà Maltija.








