Inawgurata t-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale 2026
It-Tlieta filgħaxija nfetħet uffiċjalment it-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale 2026, avveniment artistiku importanti li se jdum għaddej mill-14 ta’ Marzu sal-aħħar ta’ Mejju, fuq medda ta’ 11-il ġimgħa.
Din l-edizzjoni, immexxija mill-kuratriċi internazzjonali Rosa Martínez, se tlaqqa’ flimkien aktar minn 130 artist minn Malta u minn madwar id-dinja, li ġejjin minn 43 pajjiż differenti. Permezz tax-xogħlijiet tagħhom, dawn l-artisti se juru perspettivi u esperjenzi varji li jirriflettu l-kreattività u l-innovazzjoni li tikkaratterizza l-arti kontemporanja.
Fl-istess okkażjoni tħabbar ukoll it-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Malta Biennale. Din l-entità se tkun responsabbli mill-organizzazzjoni u l-iżvilupp tal-Biennale fis-snin li ġejjin, b’għan li tkompli ssaħħaħ dan l-avveniment u tespandi l-firxa tiegħu kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, qalet li l-Malta Biennale huwa aktar minn sempliċi avveniment artistiku, iżda ċelebrazzjoni tal-kultura u tal-kreattività li tħeġġeġ riflessjoni fuq ir-realtajiet tas-soċjetà tal-lum filwaqt li tħares lejn il-futur.
Il-President enfasizzat ukoll li f’dinja mimlija bidliet u sfidi globali, l-arti tibqa’ mezz universali li jgħaqqad il-popli u jispira lill-bnedmin biex jaħsbu u jaħdmu għal realtà aħjar. Hija faħħret ukoll il-parteċipazzjoni b’saħħitha ta’ artisti nisa, kif ukoll il-kontribut ta’ residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li qed jipparteċipaw b’talent tagħhom f’dan l-avveniment kulturali.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li l-Malta Biennale huwa spazju fejn l-arti ssir punt ta’ laqgħa bejn kulturi differenti, u pjattaforma li tħeġġeġ il-kreattività, il-ħsieb u l-kollaborazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Biennale Mario Cutajar qal li l-arti dejjem kienet mezz li jgħaqqad il-ġenerazzjonijiet. Spjega li l-viżjoni tal-Biennale hija li tkun pont bejn il-passat u l-preżent, u spazju ta’ djalogu bejn kulturi u ideat differenti.
Il-Malta Biennale 2026 qed isir ukoll taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, kif ukoll tal-UNESCO.
Ritratti: DOI/MCLG













