Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni organizza t-tielet minn sitt avvenimenti tematiċi li se jsiru matul din is-sena b’kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta. Wara żewġ diskussjonijiet li ntlaqgħu tajjeb, din id-darba l-avveniment iffoka fuq l-Intelliġenza Artifiċjali u t-Teknoloġiji Diġitali, żewġ oqsma li qed imexxu bidla importanti fid-dinja tal-lum. Din is-sensiela ta’ laqgħat se tkompli fix-xhur li ġejjin u se tindirizza wkoll temi oħra importanti bħan-Nutrizzjoni, l-iGaming u l-Fintech, kif ukoll l-Enerġija Nadifa.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal li l-erba’ proġetti li ġew ippreżentati, b’investiment ta’ aktar minn €475,000, juru l-potenzjal u l-kapaċità tal-innovazzjoni Maltija. Huwa spjega li dawn l-inizjattivi juru kif Malta qed tiżviluppa teknoloġiji li jindirizzaw sfidi konkreti tas-soċjetà. Dan kollu jaqbel mal-Viżjoni Malta 2050, li għandha l-għan li tibni ekonomija sostenibbli u ta’ valur għoli bbażata fuq l-innovazzjoni, fejn it-trasformazzjoni diġitali hija waħda mill-pilastri ewlenin tagħha.
“Il-futur diġitali mhux qed jiġi importat, iżda qed jinħoloq hawn Malta, bil-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħna stess,” sostna s-Segretarju Parlamentari.
Huwa spjega wkoll li dan il-pjan strateġiku huwa mibni fuq tliet pilastri ewlenin: forza tax-xogħol imħejjija għall-futur fejn riċerkaturi u studenti jitħarrġu fuq pjattaformi reali; ekonomija diġitali li tkompli ssaħħaħ it-tkabbir ekonomiku; u titjib fil-kwalità tal-ħajja permezz ta’ teknoloġija li tgħin fis-sigurtà u ssaħħaħ il-valuri demokratiċi tas-soċjetà.
Matul l-avveniment ġew ippreżentati erba’ proġetti innovattivi:
• DIHICS – proġett li juża robots li jitilgħu mal-ħitan flimkien ma’ machine learning biex isiru spezzjonijiet awtomatizzati tal-pontijiet, u b’hekk jitnaqqsu r-riskji għall-ħaddiema u l-inkonvenjent għall-pubbliku.
• TEKAID6G u VeLoWave – inizjattivi li jħarsu lejn il-futur tal-konnettività 6G u l-agrikoltura intelliġenti, b’attenzjoni fuq effiċjenza fl-enerġija u konnettività anke f’żoni remoti.
• NBxAI – proġett li juża Explainable AI biex jgħin jidentifika visual bias fl-aħbarijiet, bil-għan li jippromwovi soċjetà aktar infurmata u kritika.
Ir-riċerkaturi spjegaw kif dawn il-proġetti jgħaqqdu l-isfidi tal-lum ma’ soluzzjonijiet innovattivi għall-futur. Permezz tal-iżvilupp ta’ għodod open-source, Malta qed tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala ċentru importanti għar-riċerka u l-innovazzjoni.
- Parliamentary Secretary for Youth, Research and Innovation Keith Azzopardi Tanti addresses Innovation in AI and Digital Tech Conference
- Parliamentary Secretary for Youth, Research and Innovation Keith Azzopardi Tanti addresses Innovation in AI and Digital Tech Conference
- Parliamentary Secretary for Youth, Research and Innovation Keith Azzopardi Tanti addresses Innovation in AI and Digital Tech Conference











