Il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, għamlet żjara fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn setgħet tara mill-qrib ix-xogħol li jsir favur ir-riabilitazzjoni tal-priġunieri. Hija kienet akkumpanjata mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Christopher Siegersma, mill-Kap tal-Operat tal-Aġenzija Kurunell Etienne Scicluna, u mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Joyce Dimech.
Matul iż-żjara tagħha, il-President żaret diversi servizzi u faċilitajiet li huma maħsuba biex jgħinu fil-proċess ta’ riabilitazzjoni tar-residenti. Hija rat kif il-priġunieri jingħataw opportunitajiet biex jitgħallmu snajja’ u jkomplu bl-istudji tagħhom sabiex ikunu aktar ippreparati għall-ħajja wara li joħorġu mill-faċilità.
Fost il-postijiet li żaret kien hemm il-hub edukattiv fejn jingħataw servizzi ta’ tagħlim, il-klinika u l-kappella. Hija żaret ukoll il-kċina u l-forn, fejn ir-residenti flimkien ma’ persuni mħarrġa jippreparaw l-ikel ta’ kuljum filwaqt li jkunu qed jitħarrġu fis-sengħa.
Fil-workshops tal-mastrudaxxa, il-President rat lir-residenti jaħdmu fuq biċċiet ta’ għamara li se jintużaw biex jiġu mgħammra l-appartamenti li Puttinu Cares qed jibni f’Londra.
Matul iż-żjara tagħha, il-President iltaqgħet ukoll ma’ diversi priġunieri li jinsabu f’fażijiet differenti tas-sentenza tagħhom, kif ukoll ma’ oħrajn li għadhom qed jistennew is-sentenza.
Fl-aħħar taż-żjara, hija kellha laqgħa mat-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.
Il-President kienet akkumpanjata wkoll mis-Segretarju tal-Presidenza Moira Attard u mill-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-President Reuben Sciberras.
Ritratti: OPR












