Waqt attività li fakkret l-għoxrin anniversarju mill-ftuħ tal-lukanda Malta Marriott Resort & Spa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li tul dawn is-snin il-lukanda saret parti importanti mis-settur turistiku Malti. Huwa sostna li investimenti kbar bħal dak li sar f’din il-lukanda huma sinjal ċar ta’ fiduċja f’pajjiżna u juru li kemm investituri lokali kif ukoll marki internazzjonali jaraw potenzjal qawwi fl-ekonomija Maltija u fil-futur tat-turiżmu.
Il-Prim Ministru spjega li dan l-iżvilupp jgħin biex Malta tkompli tissaħħaħ bħala destinazzjoni li tattira turiżmu ta’ kwalità u ta’ valur għoli, kif previst fil-Viżjoni Malta 2050.
Bħala parti min-netwerk globali ta’ Marriott International, din il-lukanda tgħin ukoll biex Malta tkun aktar viżibbli fis-swieq internazzjonali, b’mod partikolari fl-Istati Uniti. Dan isir aktar rilevanti fid-dawl tat-titjiriet diretti bejn New York u Malta li mistennija jibdew joperaw minn dan is-sajf.
Dr Abela rrimarka wkoll li, fi żmien ta’ inċertezza ġeopolitika f’diversi partijiet tad-dinja, l-istabbiltà tibqa’ wieħed mill-akbar vantaġġi ta’ Malta. Huwa tenna li l-Gvern se jkompli jaħdem biex isaħħaħ il-prodott turistiku tal-pajjiż, itejjeb l-infrastruttura u jħeġġeġ investiment ta’ kwalità li jkompli jgħolli l-livell tal-industrija turistika.
Huwa żied li matul is-sena li għaddiet Malta laqgħet aktar minn erba’ miljun turist, b’infiq li laħaq kważi €4 biljun – żieda ta’ madwar 13% meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Skont il-Prim Ministru, illum Malta qed tattira viżitaturi minn swieq differenti matul is-sena kollha, li jfittxu esperjenzi ta’ kwalità fosthom il-kultura, il-gastronomija, il-benesseri u l-ospitalità Mediterranja awtentika.
Il-General Manager tal-Malta Marriott, Alex Incorvaja, qal li ċ-ċelebrazzjoni ta’ għoxrin sena hija mument importanti għal kull min kien parti minn dan il-vjaġġ – mis-sidien u l-impjegati sal-mistednin u s-sħab involuti. Huwa spjega li l-preżenza tal-marka Marriott f’Malta hija aħbar pożittiva ħafna għat-turiżmu lokali, peress li tagħti aċċess għal netwerk globali ta’ aktar minn 270 miljun vjaġġatur li huma membri tal-programm ta’ lealtà Marriott Bonvoy, li jservi bħala pjattaforma promozzjonali fuq livell dinji.
Il-lukanda fetħet il-bibien tagħha fl-2006 u fl-2020 ġiet rebranded bħala parti minn programm ta’ investiment ta’ €40 miljun. Dan l-investiment poġġa lill-lukanda fost l-aktar lukandi lussużi ta’ ħames stilel f’Malta. Il-Malta Marriott Resort & Spa għandha 301 kamra, tilqa’ madwar 850 mistieden u timpjega madwar 225 persuna.
Ritratti: DOI/OPM











