Din is-sena tagħlaq għaxar snin minn meta l-Parlament Malti approva b’mod unanimu r-rikonoxximent uffiċjali tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija bħala lingwa nazzjonali. Dan il-pass importanti ma kienx biss bidla fil-liġi, iżda messaġġ ċar favur soċjetà aktar inklussiva, li tirrispetta d-diversità u tagħti valur lill-komunità ta’ persuni neqsin mis-smigħ f’Malta u Għawdex.
Biex tiġi mfakkra din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, attendiet għal ċerimonja li fakkret l-10 snin mit-twaqqif tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija.
Ir-rikonoxximent ta’ din il-lingwa kien pass kruċjali biex il-persuni neqsin mis-smigħ ikollhom aktar opportunitajiet biex jikkomunikaw, jesprimu ruħhom u jieħdu sehem b’mod aktar attiv fis-soċjetà. Għall-komunità deaf, il-lingwa tas-sinjali mhijiex biss mezz ta’ komunikazzjoni, iżda wkoll parti essenzjali mill-identità u l-kultura tagħhom.
Tul dawn l-aħħar snin sar progress sinifikanti. Fost dawn kien hemm it-twaqqif tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, l-introduzzjoni ta’ servizzi speċjalizzati għal persuni neqsin mis-smigħ, kif ukoll korsijiet fl-Università ta’ Malta biex jitħarrġu interpreti tal-lingwa tas-sinjali. Sar ukoll investiment ta’ €70,000 biex jitfassal u jiġi offrut l-ewwel kors mgħallem bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija, pass ieħor li jsaħħaħ l-aċċess għall-edukazzjoni u jippromwovi l-użu ta’ din il-lingwa fil-ħajja ta’ kuljum. Malta kienet ukoll minn ta’ quddiem f’livell internazzjonali meta introduċiet sistema ta’ reġistrazzjoni u warrants għall-interpreti tal-lingwa tas-sinjali.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia qalet li r-rikonoxximent tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija kien mument storiku li juri x’tip ta’ pajjiż irridu nibnu: pajjiż li jħaddan l-inklużjoni, jirrispetta d-diversità u jagħti spazju lil kulħadd biex jinstema’. Hija saħqet ukoll li l-komunità ta’ persuni neqsin mis-smigħ hija parti integrali mis-soċjetà Maltija u li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jissaħħu d-drittijiet, is-servizzi u l-opportunitajiet għal din il-komunità.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, Annabelle Xerri, fakkret kif mill-bidu nett l-għan kien li r-rikonoxximent fil-liġi ma jibqax biss fuq il-karta, iżda jsir realtà fil-klassijiet, fis-servizzi pubbliċi u fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Xerri osservat ukoll li matul is-snin żdied b’mod sostanzjali l-interess biex titgħallem il-Lingwa tas-Sinjali Maltija, b’aktar nies jagħżlu li jistudjawha u jiskopru li hija lingwa kompluta u rikka, bl-istess valur u struttura ta’ kull lingwa oħra. Hija temmet tgħid li din il-kommemorazzjoni hija wkoll mument biex nirringrazzjaw lill-komunità deaf u lill-attivisti li għal snin twal ħadmu b’dedikazzjoni sabiex il-lingwa u l-kultura tagħhom jiġu rikonoxxuti u rispettati.













