Ix-xogħol biex iż-żona ta’ Għar Lapsi, fis-Siġġiewi, terġa’ tingħata lura lin-nies qed javvanza b’pass tajjeb. Fl-aħħar ġimgħat, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi beda proġett ta’ riġenerazzjoni wara l-ħsarat kbar li ġabet magħha l-maltempata Harry ftit xhur ilu. Din il-maltempata affettwat serjament l-aċċess għall-bajja u wkoll l-islipway li tintuża b’mod partikolari mis-sajjieda. Ix-xogħlijiet bdew wara li ntemmet konsultazzjoni pubblika bl-isem “Għar Lapsi – Lura lin-Nies”, li fiha rriżulta b’mod ċar li r-residenti u l-viżitaturi jixtiequ jaraw iż-żona tibqa’ sempliċi u kemm jista’ jkun kif kienet qabel.
Bħala parti mill-proġett, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iħejji wkoll biex tinbena mill-ġdid l-iskall li twassal għall-bajja magħrufa bħala Għereq Miżun. L-investiment totali f’dawn ix-xogħlijiet jilħaq madwar żewġ miljun ewro.
Fl-istess ħin, sar ukoll xogħol relatat mad-dawl pubbliku, fejn twaħħlu arbli tad-dawl li jaħdmu b’enerġija solari. Din l-inizjattiva hija parti minn ftehim ma’ 20 kunsill lokali madwar Malta, li permezz tiegħu se jitpoġġew madwar 400 arblu ġdid li jaħdmu b’enerġija nadifa.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li x-xogħol li qed isir f’Għar Lapsi juri kif l-impenn li sar qed jitwettaq. Huwa spjega li dawn huma l-ewwel fażijiet tal-proġett li se jwasslu biex iż-żona terġa’ tingħata lura lin-nies fiż-żmien stipulat.
Is-Sindku tas-Siġġiewi Julian Borg irrimarka li, permezz tal-kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ix-xogħol qed ikompli miexi ’l quddiem bil-għan ewlieni li jerġa’ jingħata aċċess sigur u adegwat għal din iż-żona popolari.
Il-perit responsabbli mill-proġett, Mario Ellul, spjega li bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ trinek u tindif tal-materjal li tħalla wara l-maltempata. Barra minn hekk qed jitqiegħed cable ġdid biex titjieb is-sistema tal-elettriku, filwaqt li qed isiru wkoll studji dettaljati tal-blat taż-żona sa fond ta’ 10, 12 u 18-il metru.
Fil-fażi li jmiss se jibda x-xogħol fuq ir-rampa li tagħti aċċess għall-bajja, li qed timtela’ bil-konkos biex terġa’ tinbena mill-ġdid. Wara li titlesta din il-parti, il-ħaddiema se jidħlu fil-bajja b’inġenji żgħar biex jerġgħu jinbnew il-passaġġi li tkissru u jitneħħew il-partijiet tal-konkos u tal-irdum li ċedew waqt il-maltempata.








