Il-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jgħixu bl-epilessija hija t-tema ewlenija tal-konferenza nazzjonali ta’ din is-sena organizzata mill-Caritas Malta Epilepsy Association. Din qed titella’ b’kollaborazzjoni mad-University of Malta, permezz tad-Dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika u t-Terapewtika.
Il-konferenza se ssir fiċ-Ċentru Komunitarju ta’ Caritas fil-Ħamrun u se tiffoka fuq aspetti prattiċi ta’ kif tista’ titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni li jgħixu bl-epilessija u tal-familji tagħhom. F’Malta u Għawdex hemm aktar minn 4,000 persuna li ġew iddijanjostikati b’din il-kundizzjoni, li ħafna drabi tibqa’ kundizzjoni “moħbija”, iżda xorta tista’ tħalli impatt kbir fuq il-ħajja soċjali u personali ta’ min jgħix biha.
Il-konferenza se tinfetaħ mill-Myriam Spiteri Debono. Fost il-kelliema mistennija hemm ukoll il-Professur Gus Baker mill-University of Liverpool, li huwa wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-International Bureau for Epilepsy. Barra minn hekk se jipparteċipaw diversi esperti lokali u se ssir ukoll sessjoni interattiva mal-parteċipanti.
Din il-konferenza hija maħsuba b’mod partikolari għal persuni li jgħixu bl-epilessija, għall-familji tagħhom, kif ukoll għal professjonisti u studenti fil-qasam tas-saħħa li jaħdmu ma’ dawn il-persuni.
Ir-reġistrazzjoni hija miftuħa sas-16 ta’ Marzu 2026 u hemm numru limitat ta’ postijiet. Għal aktar informazzjoni u biex tirreġistra wieħed jista’ jżur: https://tinyurl.com/maltaepilepsyconference2026









