Tnediet uffiċjalment id-9 edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali, inizjattiva li tkompli tqiegħed il-qari fiċ-ċentru tal-edukazzjoni u tħeġġeġ lit-tfal jiżviluppaw l-imħabba għall-kotba u l-istejjer. It-tnedija saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima flimkien mal-President Emeritu u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca.
Il-Ministru Clifton Grima spjega li din l-inizjattiva hija parti mill-isforzi biex aktar tfal jitħajru jaqraw u jsaħħu l-ħiliet tagħhom. Huwa saħaq li l-qari jibqa’ wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-edukazzjoni u li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn it-tfal jingħataw opportunità jiżviluppaw aktar fil-perkors edukattiv tagħhom.
Min-naħa tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Qaritona Nazzjonali hija okkażjoni sabiħa biex tiġi ċċelebrata l-qawwa tal-qari u l-effett pożittiv tiegħu fuq it-tagħlim u l-iżvilupp personali. Hija spjegat li l-qari mhux biss isaħħaħ il-litteriżmu u l-kitba, iżda jgħin ukoll lit-tfal jiżviluppaw l-immaġinazzjoni, il-kreattività u l-ħsieb kritiku. Skont hi, inizjattivi bħal dawn jgħinu biex tinbena mħabba għall-qari li tibqa’ tul il-ħajja.
It-tema tal-edizzjoni ta’ din is-sena hija “Tales Across Cultures — Connecting Young Voices Through Storytelling”, li tiffoka fuq il-qsim ta’ stejjer minn kulturi differenti. Matul it-tnedija, erba’ studenti qasmu esperjenzi u stejjer mill-kulturi tagħhom ma’ dawk preżenti, fosthom ambaxxaturi tal-qari u studenti oħra.
L-attività offriet ukoll opportunità lill-istudenti biex jistaqsu mistoqsijiet dwar il-qari lill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, lill-Ministru Clifton Grima u lill-ambaxxaturi tal-qari.
Il-Qaritona Nazzjonali hija inizjattiva interkulturali maħsuba għall-istudenti tal-iskejjel primarji u medji, li tħeġġeġ tfal minn kulturi u lingwi differenti biex jaqsmu u jesploraw stejjer tradizzjonali jew folkloristiċi. Permezz ta’ attivitajiet li jistgħu jsiru kemm fil-klassi kif ukoll id-dar, l-istudenti se jkollhom l-opportunità jiskopru stejjer Maltin, jaqsmu stejjer mill-kulturi tagħhom u jaħdmu flimkien biex joħolqu stejjer ġodda.
Din l-inizjattiva qed titwettaq permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Malta Trust Foundation, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society u Malta Public Transport, bil-parteċipazzjoni tal-iskejjel primarji u medji tal-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti.
L-attività tat-tnedija saret fil-Kulleġġ Santa Klara Primarja f’San Ġwann, fil-preżenza wkoll tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu David Muscat. L-għan ewlieni tal-proġett huwa li jkompli jrawwem l-imħabba għall-qari fost it-tfal u jsaħħaħ il-promozzjoni tal-litteriżmu fis-soċjetà.










