Residenti mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi kellhom l-opportunità juru t-talent u l-espressjoni artistika tagħhom waqt l-inawgurazzjoni tal-Padiljun tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, bħala parti mill-edizzjoni tal-Malta Biennale. Din l-inizjattiva tiffoka fuq il-kreattività bħala mezz ta’ żvilupp personali u riabilitazzjoni, filwaqt li tħares lejn politika li tippromwovi aktar inklużjoni u dinjità fis-soċjetà.
Il-padilljun ġie inawgurat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. Il-proġett jagħti spazju lir-residenti biex jesprimu ruħhom permezz tal-arti u biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’ambjent li jħeġġeġ ir-riabilitazzjoni u t-tkabbir personali.
Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri spjega kif il-parteċipazzjoni ta’ disa’ residenti f’dan il-proġett turi mhux biss il-kapaċitajiet artistiċi tagħhom, iżda wkoll il-valuri ta’ dixxiplina u rispett li fuqhom hija mibnija l-ħidma fil-faċilitajiet korrettivi. Huwa saħaq li l-fatt li persuna tkun qed tiskonta sentenza ma jfissirx li għandha tieqaf milli tiżviluppa jew tesprimi l-aspirazzjonijiet tagħha. Skontu, dan iż-żmien għandu jservi bħala opportunità ta’ riflessjoni li twassal għal riabilitazzjoni vera.
Il-Ministru Camilleri enfasizza wkoll li l-Gvern qed jippromwovi inizjattivi li jħeġġu aktar involviment tal-komunità u li joffru opportunitajiet li jsaħħu l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni kulturali. Huwa spjega li din l-inizjattiva ma kinitx imposta fuq ir-residenti, iżda kienet idea li nibtet minn ġewwa l-faċilità stess u li saret realtà grazzi għall-kollaborazzjoni mal-Malta Biennale. Huwa rringrazzja wkoll lil Mario Cutajar u lit-tim kollu tal-Biennale, kif ukoll lill-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi għall-impenn tagħhom.
Il-Ministru Owen Bonnici, min-naħa tiegħu, qal li l-edizzjoni tal-2026 tal-Malta Biennale qed tkompli tibni fuq is-suċċess tal-ewwel edizzjoni u tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru attiv għall-arti u d-djalogu kulturali. Matul 11-il ġimgħa, bejn l-14 ta’ Marzu u l-aħħar ta’ Mejju, il-Biennale se tlaqqa’ flimkien artisti lokali u internazzjonali f’avveniment li juri ideat, perspettivi u esperjenzi differenti.
Taħt id-direzzjoni tal-kuratriċi internazzjonali Rosa Martínez, aktar minn 130 artist minn 43 pajjiż qed jipparteċipaw f’din l-edizzjoni, li turi kif Malta qed tikber bħala spazju ta’ kreattività, innovazzjoni u skambju kulturali fuq livell internazzjonali.
Il-Ministru Bonnici spjega li permezz tal-arti, ir-residenti jingħataw opportunità juru l-ħiliet tagħhom u jibnu mill-ġdid sens ta’ fiduċja u tama għal futur aħjar. Skontu, din l-inizjattiva turi b’mod ċar kif l-arti tista’ sservi ta’ pont li jgħaqqad l-inklużjoni, il-fehim u r-riabilitazzjoni fis-soċjetà.
L-installazzjoni artistika “Floating Fragments” tesplora l-ħajja bħala serje ta’ episodji differenti u tistieden lill-pubbliku jirrifletti fuq ir-relazzjoni bejn il-perspettiva tan-nies li jinsabu ġewwa l-faċilità u dawk li jinsabu barra minnha. L-għan hu li jinħoloq djalogu dwar kif il-komunità tista’ tkompli tippromwovi aktar inklużjoni u parteċipazzjoni kulturali.
Il-Ministru Bonnici rrimarka wkoll fuq il-kollaborazzjoni ma’ studenti tal-MCAST, li permezz tar-riċerka u l-preparazzjoni tagħhom qed jikkontribwixxu biex dawn l-inizjattivi jkunu aktar sostenibbli u jkomplu jsaħħu r-rwol tal-arti bħala għodda ta’ edukazzjoni u trasformazzjoni soċjali.
Ritratti: DOI / MHSE / MCLG












