Erbatax-il proġett se jibbenefikaw minn investiment totali ta’ €190,000 permezz tal-Iskema ta’ Finanzjament għar-Restawr, imħabbra mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti u d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Din l-iskema kienet miftuħa għal organizzazzjonijiet kulturali u volontarji li jeħtieġu appoġġ biex jikkonservaw proprjetà kulturali, kemm ġewwa kif ukoll barra, b’mod partikolari f’knejjes parrokkjali. Il-proġetti jinkludu xogħlijiet fuq artali, aperturi, dekor arkitettoniku, induratura u pittura, fost oħrajn.
Il-Ministru Bonnici enfasizza li investimenti bħal dawn juru kemm il-Gvern jagħti importanza lill-wirt kulturali u artistiku tal-pajjiż. Huwa qal li dan l-impenn hu parti mill-wegħdiet elettorali u li se jkompli jissaħħaħ permezz ta’ inizjattivi konkreti.
Huwa żied li dawn l-iskemi qed jgħinu biex tissaħħaħ l-infrastruttura kulturali tal-pajjiż, filwaqt li jħarsu u jippromwovu l-iżvilupp tal-elementi tradizzjonali u kulturali li jiffurmaw l-identità Maltija.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli, qal li dawn il-proġetti juru kemm hu varjat u sinjur il-wirt artistiku Malti. Huwa enfasizza wkoll ir-rwol kruċjali tal-komunitajiet u tal-organizzazzjonijiet volontarji fil-preservazzjoni ta’ dan il-wirt.
Rita Falzon, Kap tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill, spjegat li l-iskema ġiet imfassla biex tindirizza bżonnijiet reali tas-settur, speċjalment fejn il-konservazzjoni teħtieġ ħiliet speċjalizzati u ppjanar fit-tul.
Għal aktar dettalji dwar il-proġetti li ngħataw il-finanzjament, wieħed jista’ jżur is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti: http://www.artscouncilmalta.gov.mt.













