Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Bastjun ta’ San Nikola f’Bormla għaddejjin b’ritmu tajjeb, hekk kif il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli żaru s-sit biex jaraw il-progress li sar s’issa.
Il-proġett beda f’Novembru 2025 taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, wara li tlestew diversi fażijiet preparatorji fosthom dokumentazzjoni dettaljata, il-permessi neċessarji u s-sejħa għat-tenders. Bħalissa, ix-xogħol jinsab fil-fażi attiva tar-restawr, minkejja sfidi bħall-aċċess diffiċli għas-sit.
Il-Ministru Bonnici spjega li parti mill-bastjun ġarrbet ħsarat kbar waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, u għalhekk qed tinbena mill-ġdid b’attenzjoni kbira sabiex tinżamm il-karattru storiku tagħha. Huwa enfasizza li l-għan ewlieni hu li jiġi mħares u msaħħaħ il-valur kulturali u storiku ta’ dan is-sit importanti.
Min-naħa tagħha, Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett huwa parti minn ħidma usa’ biex jiġu restawrati l-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera. Hija sostniet li dawn il-lokalitajiet huma sinjuri fil-wirt storiku u qed jattiraw dejjem aktar turisti, speċjalment dawk li jfittxu esperjenzi kulturali u siti inqas magħrufa. Għalhekk, sostniet li huwa kruċjali li dan il-patrimonju jibqa’ jiġi ppreservat u mtejjeb.
Il-perit responsabbli mill-proġett, Jean Frendo, spjegat li x-xogħlijiet jinkludu tiswijiet strutturali b’materjali tradizzjonali bħal ġir “hydraulic lime”, sostituzzjoni ta’ ġebel li ddeterjora, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-partijiet li ntilfu matul il-gwerra. Ix-xogħol beda wkoll bit-tneħħija bir-reqqa ta’ ġebel perikoluż, biex jiġi żgurat is-sigurtà u l-integrità tal-istruttura.
Dan l-intervent qed isir b’rispett sħiħ lejn id-disinn oriġinali tal-bastjun, sabiex il-monument jerġa’ jikseb id-dehra u l-identità storika tiegħu, filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-appell kulturali tal-Kottonera.








