Bħala parti mill-attivitajiet marbuta mal-World Down Syndrome Day, il-Ministru għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju Julia Farrugia laqgħet grupp ta’ żgħażagħ mid-Down Syndrome Association Malta għal laqgħa informali fil-Jake Vella NGO Hub.
Din l-inizjattiva, li ssir kull sena qrib il-21 ta’ Marzu, għandha l-għan li tqajjem aktar għarfien dwar id-Down Syndrome u tkompli tippromwovi soċjetà aktar inklussiva.
Il-laqgħa offriet spazju miftuħ u sigur fejn iż-żgħażagħ setgħu jitkellmu liberament dwar l-esperjenzi tagħhom, b’enfasi fuq il-ħbiberiji, l-inklużjoni u s-sentimenti ta’ solitudni li xi kultant jiffaċċjaw. Huma ġew imħeġġa jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u jipproponu ideat dwar kif il-komunità tista’ ttejjeb il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà.
Din l-attività tkompli tibni fuq il-ħidma tal-Down Syndrome Association Malta fil-qasam tas-self-advocacy, fejn iż-żgħażagħ jingħataw l-għodda biex jiżviluppaw kunfidenza, ħiliet ta’ komunikazzjoni u biex jitkellmu b’mod ċar dwar id-drittijiet u l-esperjenzi tagħhom.
Tul is-snin, l-assoċjazzjoni wettqet diversi inizjattivi li jinkludu programmi ta’ empowerment, attivitajiet soċjali li jsaħħu l-ħbiberiji u l-indipendenza, kif ukoll kampanji biex jinbidlu l-perċezzjonijiet dwar il-potenzjal ta’ persuni bid-Down Syndrome.
Il-Ministru Julia Farrugia sostniet li fil-qalba tal-politika hemm il-prinċipju li kull persuna għandha tgħix b’dinjità u b’opportunitajiet indaqs. Hija enfasizzat li dawn il-laqgħat huma importanti biex jinstemgħu direttament il-vuċijiet taż-żgħażagħ u biex tinbena soċjetà fejn kulħadd iħossu inkluż u apprezzat.
Il-President tal-Down Syndrome Association Malta, Joeanna Xerri, qalet li din kienet opportunità importanti biex iż-żgħażagħ jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’ambjent informali, filwaqt li tenfasizza l-importanza li jinħolqu spazji fejn jistgħu jitkellmu b’kunfidenza dwar dak li jixtiequ jaraw jinbidel fis-soċjetà.
Min-naħa tiegħu, Essien Mifsud, żagħżugħ ta’ 20 sena membru tal-għaqda, spjega li l-World Down Syndrome Day jagħti ċ-ċans lill-persuni bid-Down Syndrome juru min huma tassew u x’jistgħu joffru, filwaqt li jfakkar li huma wkoll għandhom ħolm, talenti u ħafna x’jikkontribwixxu.
Imwaqqfa fl-1981 minn ġenituri, il-Down Syndrome Association Malta tibqa’ waħda mill-aktar vuċijiet importanti fil-pajjiż li taħdem favur id-drittijiet u l-inklużjoni ta’ persuni bid-Down Syndrome u l-familji tagħhom.












