Tnieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika li se jwassal għall-Istrateġija dwar il-Benesseri tal-Edukatur. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima qal li dan hu pass importanti biex l-edukaturi jibqgħu fil-qalba tas-sistema edukattiva u biex jibbenefikaw kemm huma kif ukoll l-istudenti.
Id-dokument inħadem bl-involviment dirett tal-edukaturi stess, permezz ta’ focus groups ma’ kapijiet ta’ skejjel, deputati kapijiet u kumitat interministerjali. B’kollox ħadu sehem 778 edukatur, u minn dan il-proċess ħarġu 10 miżuri u 25 inizjattiva.
Din l-istrateġija tifforma parti mill-impenn tal-Gvern biex itejjeb il-benesseri tal-edukaturi u s-sodisfazzjon tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Hija wkoll marbuta mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 u mal-Viżjoni Malta 2050.
L-għan ewlieni hu li edukatur li jkun f’saħħtu mentalment u professjonalment joħloq ambjent aħjar għall-istudenti. Il-Ministru enfasizza li s-suċċess tal-istudenti jiddependi mill-kontribut importanti tal-edukaturi.
Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella spjega li din l-inizjattiva twettaq wegħda li saret sentejn ilu u li għandha l-għan li tipprovdi aktar sapport u taħriġ lill-edukaturi.
Waqt it-tnedija, id-Direttur Ġenerali Mary Scicluna ppreżentat il-punti ewlenin tad-dokument, li huwa mibni fuq tliet pilastri u jiffoka wkoll fuq l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi biex jagħtu edukazzjoni aktar ħolistika.
Il-Ministru Grima temm jgħid li l-investiment fl-edukaturi jfisser investiment fil-futur tal-istudenti u f’sistema edukattiva aktar sostenibbli, inklużiva u ta’ kwalità.
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ April, u min jixtieq jista’ jaqra d-dokument u jagħti l-opinjoni tiegħu online. http://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2026/NL-0011-2026.aspx











