Kollox lest biex tibda s-sitt edizzjoni ta’ Mużika Mużika, wieħed mill-akbar festivals li jiċċelebra l-kanzunetta Maltija, li se jiftaħ il-bibien tiegħu nhar il-Ħamis li ġej. bħalissa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet intensivi, b’numru kbir ta’ professjonisti jaħdmu fuq kull aspett tal-produzzjoni – mill-palk u d-dawl, sas-sound, ix-xandir u r-reklamar – biex jiġi assigurat spettaklu ta’ livell għoli.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, flimkien mat-tim ta’ Festivals Malta, żar il-post fejn qed isiru dawn il-preparamenti u saħaq fuq l-importanza tal-festival bħala espressjoni ħajja tal-kultura Maltija. Huwa sostna li Mużika Mużika turi kif il-wirt kulturali tagħna mhux biss parti mill-passat, iżda wkoll realtà preżenti u pilastru għall-futur. Saħaq ukoll fuq ir-rwol tal-ilsien Malti fil-festival, fejn permezz tal-mużika jitħaddem b’mod ħaj u dinamiku, b’kburija u dinjità.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, irringrazzja lil dawk kollha involuti, fosthom il-kantanti, l-awturi, il-kompożituri u t-tekniċi, li ħadmu bla waqfien biex il-festival ikun possibbli. Huwa qal li kollox jinsab lest biex l-udjenza tgawdi l-kanzunetti għall-ewwel darba u tiċċelebra l-mużika Maltija flimkien.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, sostna li l-festival jinsab biss ġurnata ’l bogħod u li kollox huwa ppreparat biex joffri spettaklu mill-aqwa. Din is-sena, għall-ewwel darba, Mużika Mużika se jixxandar fuq ħames stazzjonijiet lokali biex jilħaq udjenza usa’, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala festival nazzjonali.
Il-festival se jittella’ fuq tlett ijiem. Fl-ewwel serata se jinstemgħu s-16-il kanzunetta kompetittiva, bil-votazzjoni miftuħa għall-udjenza fis-sala u għall-ġurija. It-tieni lejl ikun dedikat għall-klassiċi Maltin, b’kollaborazzjonijiet bejn il-finalisti u kantanti stabbiliti. Fil-finali, il-parteċipanti jerġgħu jinterpretaw il-kanzunetti tagħhom qabel ma titħabbar il-kanzunetta rebbieħa, bil-vot tal-pubbliku u tal-ġurija.
Matul il-lejl finali, se jkun hemm ukoll prestazzjoni speċjali mill-grupp Tribali.
Mużika Mużika se jsir bejn id-19 u l-21 ta’ Marzu 2026 u se jixxandar fid-9pm fuq TVM, ONE, FLIVING, SMASH u XEJK TV, kif ukoll fuq TVM+ bil-lingwa tas-sinjali Maltija. Huwa organizzat minn Festivals Malta bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali.
Żur: http://www.muzikamuzika.mt għal aktar informazzjoni. Awguri lill-kantanti u l-mużiċisti kollha.










