Qed jitwettaq investiment sinifikanti ta’ €21.5 miljun fil-bini mill-ġdid tal-Iskola Primarja Dun Karm Scerri fin-Naxxar, li se tipprovdi ambjent edukattiv modern, innovattiv u adattat għall-ħtiġijiet tal-lum kemm għall-istudenti kif ukoll għall-edukaturi.
Il-proġett jinvolvi ż-żamma tal-faċċata storika tal-binja, filwaqt li fuq ġewwa qed tinbena skola kompletament ġdida u mgħammra bl-aħħar teknoloġija. Il-binja l-ġdida se tkun mifruxa fuq ħames sulari, b’żewġ livelli taħt l-art u tlieta fuq, u se toffri disinn li jgħaqqad il-wirt arkitettoniku mal-istil kontemporanju.
L-iskola se tinkludi 46 klassi, fosthom 20 għall-kindergarten, kif ukoll spazji speċjalizzati għall-arti, il-mużika, id-drama u anke kċina industrijali. Se jkun hemm ukoll faċilitajiet sportivi, spazji rikreattivi, multi-sensory room u sala multifunzjonali. Librerija moderna se tkun aċċessibbli wkoll għall-komunità wara l-ħin tal-iskola.
Id-disinn tal-iskola jagħti importanza lill-użu effiċjenti tal-ispazju, b’żoni ta’ ċirkolazzjoni li jistgħu jintużaw kemm għar-rikreazzjoni kif ukoll għat-tagħlim informali. Fuq il-bejt se jinħoloq spazju ta’ “green fingers” biex l-istudenti jitgħallmu b’mod prattiku dwar il-ħarsien tal-ambjent.
Wara x-xogħol strutturali, il-proġett se jkompli bl-installazzjoni tas-servizzi essenzjali bħall-elettriku, ilma, drenaġġ, sistemi ta’ sigurtà u konnettività diġitali, kif ukoll b’finituri interni moderni.
Dan l-iżvilupp jallinja mal-Viżjoni Malta 2050 u jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern li jinvesti f’infrastruttura edukattiva inklużiva u sostenibbli. L-iskola se takkomoda madwar 1,000 student u studentessa, u se tkun mgħammra wkoll b’miżuri effiċjenti fl-enerġija, inklużi pannelli fotovoltajċi.
Dan il-proġett mhux biss se jtejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni, iżda wkoll il-benesseri tal-istudenti u tal-edukaturi, filwaqt li joffri spazji moderni li jappoġġjaw tagħlim innovattiv u diġitali.










