Il-proġett SOuSeEu wasal fi tmiemu f’Cagliari, l-Italja, wara sensiela ta’ laqgħat u diskussjonijiet li bdew bis-sessjoni li saret f’Malta f’Ottubru li għadda. Dan il-proġett ġabar flimkien parteċipanti minn diversi reġjuni biex jiddiskutu temi kruċjali li qed jiffurmaw il-futur tal-istati żgħar tal-gżejjer.
Tul dan il-vjaġġ, ġew indirizzati diversi suġġetti ewlenin, fosthom it-turiżmu sostenibbli, l-importanza tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-gvern lokali, il-preservazzjoni ta’ spazji ħodor urbani, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu attirati talenti ġodda u li l-proġetti tal-Unjoni Ewropea jiġu implimentati b’mod effettiv.
Id-diskussjonijiet saru b’perspettiva Mediterranja min-naħa tan-Nofsinhar, fejn ġew enfasizzati kemm l-isfidi komuni kif ukoll l-opportunitajiet uniċi li jgħaqqdu dawn ir-reġjuni. Il-parteċipanti qablu li, minkejja d-differenzi lokali, hemm ħafna oqsma fejn tista’ tissaħħaħ il-kollaborazzjoni.
Il-proġett SOuSeEu serva bħala pjattaforma ta’ skambju ta’ ideat u esperjenzi, li wasslet għal fehim aħjar bejn il-parteċipanti u għal tisħiħ ta’ relazzjonijiet professjonali u istituzzjonali.
Fl-aħħar tal-proġett, ġiet espressa gratitudni lejn dawk kollha involuti għall-kontribut tagħhom, kif ukoll għall-għarfien u s-sħubijiet li nħolqu tul din l-inizjattiva li l-leaders tagħha kienet l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Malta.
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, id-Direttur Ġenerali tal-Kunsilli Lokali Emile Vassallo u l-President tal-AKL Mario Fava.










