F’pajjiż fejn il-ħajja moderna spiss tkun mimlija materjaliżmu, iż-żmien tar-Randan xorta jibqa’ jqanqal riflessjoni u sens ta’ mistoqsija interjuri. Huwa żmien ta’ skiet li jitkellem u ta’ mixja li tfittex tifsira aktar profonda.
F’dan il-kuntest, l-Għaqda Teatrali Dwal Ġodda se tippreżenta l-produzzjoni “Bejn Hawn u Mkien” bejn il-25 u d-29 ta’ Marzu 2026, fl-ispazju teatrali tagħha f’Ħal Għargħur. L-ispettaklu, b’kast ta’ madwar 70 parteċipant, joffri interpretazzjoni ġdida tal-ġrajja tal-Passjoni – mhux biss bħala tifkira, imma bħala sfida għall-lum.
Din il-produzzjoni, li ddum madwar 90 minuta, tgħaqqad test bil-Malti ma’ siltiet bl-Ingliż u tinbena fuq sens qawwi ta’ komunità. F’soċjetà fejn l-anonimità qed tikber, dan l-ispettaklu jfittex li jerġa’ jqajjem il-valur tal-għaqda u tal-esperjenza kollettiva.
“Bejn Hawn u Mkien” mhuwiex teatru li joffri tweġibiet faċli. Filwaqt li jħares lura lejn il-Passjoni, iqajjem mistoqsijiet dwar il-preżent u l-futur. Il-produzzjoni toħloq paralleli bejn iż-żminijiet tal-Iskrittura u ż-żmien tal-lum, u tindirizza temi bħall-poter, il-kuxjenza u r-responsabbiltà.
Fost il-persunaġġi li jidhru hemm Sansun u Nelson Mandela, li jitqiegħdu f’kuntrast man-Nazzarenu. Dawn mhux biss jidhru bħala figuri storiċi jew reliġjużi, iżda bħala mistoqsijiet ħajjin dwar x’inhi s-saħħa vera, il-fedeltà u x’jiswa mexxej li jittradixxi l-verità tiegħu.
Il-vjaġġ li joffri dan l-ispettaklu huwa spiritwali, emozzjonali u anke politiku. B’approċċ Brechtjan, il-produzzjoni tkisser l-illużjoni teatrali biex tħalli lill-udjenza tħares lejnha nnifisha b’sinċerità.
B’rispett lejn it-tradizzjoni iżda b’viżjoni kontemporanja, “Bejn Hawn u Mkien” hu maħsub għal dawk li jħobbu t-teatru, għal min qed ifittex espressjoni differenti, u għal min iħoss li l-Ġimgħa l-Kbira hija mistoqsija li tibqa’ miftuħa.
Il-wirjiet se jsiru mill-Erbgħa 25 sas-Sibt 28 ta’ Marzu fis-7:30pm, u nhar il-Ħadd 29 ta’ Marzu fit-3:00pm, biex wara jkun jista’ jitgawda wkoll il-purċissjoni tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira f’Ħal Għargħur. Id-dħul huwa b’xejn u kulħadd mistieden jattendi.
Għal aktar informazzjoni jew bookings, wieħed jista’ jċempel fuq 7903 3394 jew iżur il-paġna ta’ Dwal Ġodda.















