Illum, 23 ta’ Marzu, fetħu uffiċjalment l-applikazzjonijiet għal SkolaSajf 2026, li se jsir bejn it-13 ta’ Lulju u l-11 ta’ Settembru, b’waqfa fil-ġimgħa ta’ Santa Marija, bejn l-10 u l-14 ta’ Awwissu. L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħa sal-4 ta’ Mejju.
It-tema magħżula għal din is-sena hija “Reach for the Stars”, li twassal messaġġ ċar lit-tfal biex jaspiraw u jaħdmu biex jilħqu l-ħolm tagħhom permezz tal-edukazzjoni u esperjenzi ġodda.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima spjega li SkolaSajf jibqa’ parti importanti mill-isforzi biex is-sistema edukattiva tkun aktar relevanti għall-bżonnijiet tas-soċjetà tal-lum. Huwa sostna li dan il-programm joffri tagħlim alternattiv li jgħin lit-tfal jiżviluppaw ħiliet utli għall-futur tagħhom, filwaqt li jikkumplimenta l-edukazzjoni formali.
Illum il-programm jilħaq madwar 12,000 student u studenta, u jitħaddem minn 54 ċentru madwar Malta u Għawdex, inklużi servizzi apposta għal tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali.
Matul it-tmien ġimgħat ta’ SkolaSajf, it-tfal se jkollhom l-opportunità li jkomplu jitgħallmu f’ambjent aktar informali u interattiv, b’attivitajiet varji li jinkludu wkoll sport u arti performattiva. Biex dan ikun possibbli, jiġu ingaġġati diversi professjonisti fosthom koordinaturi, playworkers u child support workers.
Fl-istess okkażjoni, ġew ippremjati tliet studenti li rebħu kompetizzjoni għad-disinn tal-logo ta’ din l-edizzjoni, b’Andrea Sarica fl-ewwel post, segwita minn Julianne Borg fit-tieni post u Mattias Barbara fit-tielet post.
Aktar informazzjoni dwar SkolaSajf tista’ tinkiseb mis-sit uffiċjali tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi: https://fes.gov.mt/skolasajf/











