Wara kważi 20 sena mitluq, il-klabb tal-boċċi f’Ħal Kirkop reġa’ ġie rrestawrat u mibdul f’faċilità moderna u funzjonali għall-komunità. Ix-xogħlijiet estensivi li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi taw ħajja ġdida lil dan l-ispazju, li issa jista’ jintuża mill-ġdid għar-rikreazzjoni u l-isport.
Il-proġett beda b’tindif intensiv tas-sit, fejn tneħħa skart akkumulat matul is-snin u saru interventi biex jitjieb il-pitch tal-logħob. Il-wiċċ tal-ground ġie rranġat b’saff fin ta’ ramel biex jilħaq l-istandards meħtieġa għall-logħba tal-boċċi.
Sar ukoll numru ta’ xogħlijiet strutturali importanti, fosthom skavar, tqegħid ta’ konkos ġdid, bini mill-ġdid ta’ ħitan u titjib fl-aċċessibbiltà tal-post. Ġew installati madum ġdid kemm ġewwa kif ukoll barra, flimkien ma’ sistema effiċjenti ta’ drenaġġ biex jiġi żgurat livell tajjeb tal-art.
Barra minn hekk, ġiet imtejba s-sistema tad-dawl u tal-elettriku, b’installazzjoni ta’ spotlights ġodda u tiswijiet fl-arbli tad-dawl. Il-post ġie wkoll miżbugħ mill-ġdid, ġew miżjuda siġġijiet sportivi u twaħħlet mantinella tradizzjonali tal-injam madwar il-ground.
Il-proġett inkluda wkoll bibien u twieqi ġodda, kif ukoll xogħlijiet ta’ waterproofing fuq is-soqfa biex jiġi żgurat li l-faċilità tibqa’ f’kundizzjoni tajba fit-tul.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia sostna li dan il-proġett huwa eżempju ta’ kif spazji mitluqa jistgħu jinbidlu f’postijiet utli għall-komunità, filwaqt li s-Sindku Matthew Agius Zammit esprima s-sodisfazzjon tiegħu li wara snin twal Ħal Kirkop reġa’ għandu klabb tal-boċċi tiegħu.
Il-President tal-Federazzjoni tal-Klabbs tal-Boċċi Clinton John Saliba faħħar l-inizjattiva u saħaq fuq l-importanza li dan l-isport tradizzjonali Malti jibqa’ jiġi mħares u mħeġġeġ.
Dan il-proġett huwa parti minn sensiela ta’ xogħlijiet simili li saru f’lokalitajiet oħra, fosthom Ħaż-Żabbar u ż-Żurrieq, bil-għan li jissaħħu l-faċilitajiet sportivi u jiġi promoss dan l-isport tant marbut mal-kultura Maltija.










