Mil-lum uffiċjalment fetaħ il-bejgħ tal-biljetti għal kunċert spettakolari li se jgħaqqad flimkien l-aqwa kanzunetti Maltin ta’ kull żmien. “L-Aqwa 20 tal-Maltin” se jkun kunċert uniku li jippreżenta l-aktar 20 kanzunetta popolari bejn l-1974 u l-2005 – kollha magħżula mill-pubbliku nnifsu permezz tal-votazzjoni.
Dan l-avveniment mużikali se jkun ċelebrazzjoni mill-aqwa tal-mużika Maltija, fejn 20 kantant stabbilit se jitilgħu fuq il-palk akkumpanjati minn orkestra live taħt id-direzzjoni tas-surmast Paul Abela. Kollox se jsir live, f’atmosfera spettakolari fil-Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta.
Il-kunċert se jittella’ nhar is-Sibt 30 ta’ Mejju li ġej fit-8:30pm, u jwiegħed lejl mimli nostalġija, emozzjoni u prestazzjonijiet mill-aqwa ta’ kanzunetti li ħallew marka kbira fil-qalb tal-Maltin.
Fost il-kantanti li se jieħdu sehem insibu ismijiet magħrufa bħal Sarah Bonnici, Daniel Cauchi, Mike Spiteri, Mary Rose Mallia, Brooke, MARA, Fabrizio Faniello, Georgina, Gillian Attard, Ludwig Galea, Mark Spiteri Lucas, Priscilla Psaila, Ivan Grech, Hermann Bonaci, Mary Spiteri, Ryan Hili, Olivia Lewis u Klinsmann.
Dan il-kunċert mhux biss se jfakkar l-aqwa suċċessi tal-passat, iżda se jerġa’ jqajjem il-memorji ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ permezz ta’ interpretazzjonijiet ġodda u produzzjoni ta’ livell għoli.
Il-biljetti huma disponibbli minn:
https://www.showshappening.com/valle…/l-aqwa-20-tal-maltin
Tlifuhx dan l-ispettaklu uniku li se jiġbor flimkien l-aqwa tal-mużika Maltija f’lejla waħda indimentikabbli!








