‘Nistaqsi’ tirbaħ is-sitt edizzjoni ta’ Mużika Mużika
Is-sitt edizzjoni ta’ Mużika Mużika waslet fi tmiemha b’suċċess, wara tlett iljieli ta’ spettaklu li għal darb’oħra ċċelebraw il-kanzunetta Maltija fl-aqwa tagħha.
Ir-rebħa marret għall-kanzunetta ‘Nistaqsi’, interpretata minn Jasmine, b’lirika ta’ Philip Vella u mużika ta’ Glen Vella. Fit-tieni post ġiet ‘Niftakarna’ kantata minn Daniel Cauchi, filwaqt li t-tielet post kiseb ‘Int u Jien’ interpretata minn Kevin Paul.
Il-premju għall-Aħjar Interpretazzjoni ngħata lil Daniel Cauchi għal ‘Niftakarna’, filwaqt li l-Aħjar Arranġament Mużikali mar għand Edward Mifsud għal ‘Nistaqsi’, kif deċiż mill-ġurija tal-finali.
Din is-sena kienet ukoll waħda storika għall-festival, hekk kif għall-ewwel darba xxandar fuq ħames stazzjonijiet lokali differenti, inkluż trasmissjoni speċjali bil-lingwa tas-sinjali Maltija fuq TVM+.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici sostna li Mużika Mużika jibqa’ prova ċara li l-kultura Maltija mhix biss parti mill-passat, iżda hija realtà ħajja u fundamentali għall-futur tal-pajjiż. Huwa saħaq li l-festival jagħti spazju importanti lill-artisti Maltin biex jesprimu t-talenti tagħhom u jikkontribwixxu għall-identità kulturali nazzjonali.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra faħħar il-ħidma ta’ kulħadd wara l-produzzjoni, filwaqt li l-Kap Eżekuttiv Frans Agius irrimarka s-suċċess kbir tal-edizzjoni ta’ din is-sena, kemm fl-attendenza kif ukoll fir-reazzjonijiet pożittivi tal-pubbliku.
Iċ-Chairman tal-festival Ray Bugeja u d-Direttur Artistiku Paul Abela wkoll enfasizzaw il-livell għoli tal-produzzjoni u t-talent muri mill-artisti kollha, u sostnew li Mużika Mużika jibqa’ pjattaforma importanti għall-mużika Maltija oriġinali.
L-organizzaturi rringrazzjaw lil kull min kien involut fil-festival u lill-udjenzi li segwewh, filwaqt li diġà qed iħarsu ’l quddiem għal edizzjoni oħra.










