Fid-dawl tal-isfidi ġeopolitiċi li qed jolqtu s-swieq internazzjonali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, saħaq li Malta trid tibni ekonomija aktar b’saħħitha u flessibbli permezz tar-reżiljenza, id-diversifikazzjoni u d-diplomazija.
Waqt li kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt Valletta, huwa spjega kif kunflitti internazzjonali u kompetizzjoni fuq riżorsi u teknoloġiji qed ibiddlu r-regoli tal-kummerċ globali. F’dan il-kuntest, enfasizza li Malta għandha tkompli tinvesti fil-konnettività, il-loġistika u t-tħejjija sabiex tkun kapaċi tlaħħaq ma’ dawn l-isfidi.
Huwa sostna wkoll li d-diversifikazzjoni hija essenzjali biex il-pajjiż ma jibqax jiddependi fuq suq wieħed biss, u li Malta għandha tespandi l-preżenza tagħha mhux biss fl-Ewropa, iżda wkoll fir-reġjuni tal-Mediterran, il-Golf, l-Afrika u swieq emerġenti oħra.
Dr Borg ħeġġeġ biex jitkompla jissaħħaħ is-suċċess tas-setturi ewlenin bħas-servizzi finanzjarji, l-industriji diġitali, it-turiżmu u l-manifattura avvanzata, li kollha għandhom rwol importanti fl-ekonomija u fl-impjiegi.
Fl-istess waqt, tenna l-importanza tad-diplomazija ekonomika u l-parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali, speċjalment għal pajjiż żgħir bħal Malta, sabiex jiġu promossi swieq aktar ġusti u stabbli.
Huwa appella wkoll għal aktar kollaborazzjoni bejn il-gvern, in-negozji u d-diplomatiċi, flimkien ma’ investiment fil-ħiliet u l-innovazzjoni, sabiex Malta tkun tista’ tantiċipa l-bidliet u mhux sempliċiment tirreaġixxi għalihom.
Fl-aħħar nett, faħħar ir-rwol ta’ Trade Malta u tal-Kamra tal-Kummerċ fil-promozzjoni tal-esportazzjoni u l-kompetittività, filwaqt li assigura li l-gvern se jkompli jappoġġja lin-negozji Maltin biex jespandu u jirnexxu fuq livell internazzjonali.
Ritratti: MFT










