F’Malta ġie inawgurat uffiċċju ġdid tal-EIT Culture & Creativity, inizjattiva li għandha l-għan li ssaħħaħ u tappoġġja s-settur kreattiv lokali. Għall-ftuħ attendew is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli u l-Kap Eżekuttiv tal-EIT Culture & Creativity Anette Schaefer.
Dan l-uffiċċju se jkun ibbażat ġewwa Xjenza Malta f’Villa Bighi u se jaħdem mill-qrib maċ-Ċentru tal-Komunità tal-EIT. Huwa parti miċ-ċentru reġjonali tan-Nofsinhar tal-EIT u se jservi bħala punt ta’ referenza f’Malta biex jiffaċilita l-aċċess għal fondi u programmi Ewropej, kif ukoll biex jinkoraġġixxi aktar kollaborazzjoni bejn entitajiet kreattivi.
Fl-indirizz tiegħu, Keith Azzopardi Tanti spjega kif din l-inizjattiva se tiftaħ bibien ġodda għal kreattivi, riċerkaturi u intraprendituri Maltin, billi tgħaqqadhom ma’ network Ewropew b’saħħtu. Huwa enfasizza li dan se jwassal għal aktar opportunitajiet ta’ investiment, tkabbir u innovazzjoni.
Min-naħa tagħha, Alison Zerafa Civelli qalet li dan huwa pass importanti wkoll għall-kunsilli lokali u l-komunitajiet, għax mhux biss jgħin fil-ħarsien tal-kultura, iżda wkoll joħloq opportunitajiet ekonomiċi u soċjali ġodda. Hija sostniet li l-għan huwa li l-kreattività ssir mutur għall-iżvilupp sostenibbli madwar il-pajjiż kollu.
Il-Kap Eżekuttiv Anette Schaefer esprimiet sodisfazzjon għal din il-preżenza f’Malta, u spjegat li l-kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta se tgħin biex l-organizzazzjonijiet kreattivi Maltin ikollhom aktar impatt fuq livell Ewropew.
L-avveniment tal-inawgurazzjoni, li sar fl-Esplora, kien jinkludi wkoll workshops u diskussjonijiet ma’ esperti dwar temi bħall-finanzjament u r-rwol tal-kreattività fit-trasformazzjoni tas-soċjetà. Ġie mħabbar ukoll proġett pilota ġdid, l-EIT Regional Innovation Booster, li se joffri appoġġ speċjalizzat lil startups u negozji kreattivi f’Malta.










