Aktar persuni b’diżabilità qed jingħataw opportunitajiet konkreti biex jiżviluppaw ħiliet importanti kemm għax-xogħol kif ukoll għal ħajja aktar indipendenti, permezz tal-programmi offruti mit-taqsima SkillUp fi ħdan Aġenzija Sapport.
F’ċerimonja speċjali tqassmu ċ-ċertifikati lil dawk li temmew b’suċċess il-programmi Way to Work u Skills4Life, inizjattiva li bdiet f’Ottubru 2025 biex tilħaq aktar persuni u tgħinhom jibnu futur aktar awtonomu.
Il-programm Way to Work offra taħriġ prattiku lil erba’ parteċipanti, b’fokus fuq ħiliet essenzjali bħall-użu tat-trasport pubbliku, il-ġestjoni tal-flus u tal-ħin, kif ukoll esperjenzi diretti f’postijiet tax-xogħol u xogħol volontarju. Dan kien ukoll l-ewwel grupp li rċieva stipendju matul it-taħriġ. Wara li temmew il-programm, il-parteċipanti diġà bdew jieħdu passi konkreti lejn xogħol jew taħriġ ieħor.
Min-naħa tiegħu, il-programm Skills4Life iffoka fuq ħiliet ta’ kuljum bħall-kura personali, it-tisjir bnin u s-saħħa mentali u fiżika. It-tliet parteċipanti li temmew dan il-programm se jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom jew permezz ta’ aktar taħriġ jew billi jtejbu l-indipendenza tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-Ministru Julia Farrugia saħqet li dawn l-inizjattivi huma pass importanti lejn soċjetà aktar inklussiva, fejn kulħadd jingħata ċans ġust biex jiżviluppa u jgħix b’dinjità. Hija nnutat ukoll li Malta qed tilħaq livelli rekord ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol.
Minn meta beda fl-2022, Way to Work diġà laħaq għexieren ta’ parteċipanti madwar Malta u Għawdex, filwaqt li l-esperjenzi pożittivi ta’ dawk li ħadu sehem juru l-valur reali ta’ dawn il-programmi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, enfasizza li r-riformi li wasslu għat-twaqqif ta’ SkillUp diġà qed jagħtu riżultati konkreti, b’impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-parteċipanti.











