Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qed jistieden lill-pubbliku biex jingħaqad f’inizjattiva sabiħa ta’ solidarjetà u ġenerożità waqt il-Ġimgħa Mqaddsa, permezz tal-Mixegħla fil-Mellieħa u l-Fjakkolata tal-Manikata.
Din l-attività simbolika, li tagħti dawl u sinifikat spiritwali lil dawn il-jiem qaddisa, qed tieħu dimensjoni aktar profonda permezz ta’ skop karitattiv. Il-parteċipanti huma mistiedna jagħtu donazzjoni ta’ €1 għal kull xemgħa jew fjakkola, bil-fondi kollha miġbura jmorru direttament biex jappoġġjaw il-ħidma imprezzabbli ta’ Puttinu Cares.
Din l-organizzazzjoni magħrufa tgħin familji Maltin li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli relatati mal-kura tal-mard serju barra minn Malta, u tipprovdi appoġġ kontinwu u kuraġġ lil dawk li jkollhom bżonnha l-aktar.
Il-Kunsill Lokali jfakkar li dan hu att żgħir ta’ ġenerożità li, meta jsir minn ħafna, jista’ jwassal għal differenza kbira fil-ħajja ta’ oħrajn. Il-parteċipazzjoni tal-komunità mhux biss se tkompli ssaħħaħ l-ispirtu reliġjuż tal-Ġimgħa Mqaddsa, iżda wkoll tikkontribwixxi għal kawża nobbli li tmiss qalb kulħadd.
Kulħadd mistieden jieħu sehem u jkun parti minn din l-inizjattiva li tgħaqqad il-fidi mal-karità.








