Tnieda proġett ġdid bl-isem REVIVE bil-għan li jtejjeb u jsaħħaħ il-ħajja fil-baħar bejn Malta u Sqallija, permezz ta’ diversi miżuri konkreti u innovattivi. Fost dawn hemm it-tqegħid ta’ strutturi fil-qiegħ tal-baħar biex jinħolqu mill-ġdid żoni naturali, azzjoni kontra speċi invażivi bħall-granċ blu u ċerti tipi ta’ koralli, kif ukoll l-użu ta’ teknoloġija moderna biex jiġi mmonitorjat kemm l-iskart kif ukoll dawn l-ispeċi.
Il-proġett, li qed jiġi ffinanzjat mill-Programm Interreg Italia-Malta 2021-2027, jinvolvi ħames entitajiet minn Malta u l-Italja li se jaħdmu flimkien. Dawn huma l-Università ta’ Malta, l-Università ta’ Palermo, Ambjent Malta, il-Consiglio Nazionale delle Ricerche u l-Istituto Superiore per la Protezione e la Ricerca Ambientale.
Waqt it-tnedija, il-Ministru Miriam Dalli saħqet li l-baħar huwa kruċjali mhux biss għall-ambjent iżda wkoll għall-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja, u li dan il-proġett juri impenn konkret biex mhux biss nipproteġu iżda wkoll insewwu dak li ġarrab ħsara.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li fondi Ewropej bħal dawn qed jagħmlu differenza reali, billi jappoġġjaw inizjattivi li jħarsu l-ambjent u jsaħħu l-ekosistemi tagħna b’mod sostenibbli.
Il-Kap Uffiċjal Xjentifiku ta’ Ambjent Malta, Dr Alex Borg Galea, enfasizza li dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ il-konservazzjoni f’żoni marittimi protetti, b’attenzjoni partikolari fuq Kemmuna.
Il-proġett, li għandu investiment ta’ €1.2 miljun, se jibqa’ għaddej sa Novembru tal-2027. Matul dan iż-żmien se jsiru diversi interventi, fosthom restawr tal-ħabitats fil-baħar, tindif ta’ skart u monitoraġġ kontinwu tal-ambjent marittimu, kif ukoll azzjonijiet biex jitneħħew speċi invażivi.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tgħin lill-ħajja fil-baħar tirkupra, tissaħħaħ il-bijodiversità u tittejjeb il-protezzjoni tal-Mediterran għall-ġenerazzjonijiet futuri.












