Se titnieda pjattaforma diġitali ġdida li se tgħaqqad is-servizzi kollha tal-Kunsilli Lokali f’sistema waħda, bil-għan li ttejjeb kemm il-mod kif joperaw il-kunsilli kif ukoll l-esperjenza taċ-ċittadini.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ħabbret li diġà nħarġet sejħa għall-iżvilupp ta’ din il-pjattaforma, li se tqiegħed liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-ħidma u tkun konformi mal-Viżjoni Malta 2050, fejn aktar servizzi jkunu aċċessibbli online.
Dan il-proġett, li mistenni jiswa madwar €800,000, se jippermetti lill-pubbliku jaċċessa s-servizzi kollha tal-kunsilli minn fuq l-internet, kemm permezz ta’ kompjuter kif ukoll minn fuq il-mobile. Se jtejjeb ukoll il-komunikazzjoni mar-residenti u jissimplifika l-proċessi amministrattivi.
Permezz tas-sistema, se tinġabar informazzjoni li tgħin lill-kunsilli jifhmu aħjar il-ħtiġijiet u l-isfidi tan-nies, filwaqt li toħloq komunikazzjoni aktar effiċjenti bejn ir-residenti u l-kunsill tagħhom.
Il-pjattaforma se tinkludi wkoll app mobile u servizzi ġodda, fosthom chatbot, kif ukoll servizzi li bħalissa jingħataw biss b’mod manwali. Minkejja dan, is-servizzi se jibqgħu disponibbli wkoll mill-uffiċini tal-kunsilli għal min jippreferi jinqeda b’mod tradizzjonali.
Id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali se tkun qed tiffinanzja dan il-proġett u se tipprovdi sistema waħda komuni għall-kunsilli kollha, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi bl-istess mod, irrispettivament minn fejn jgħixu.












