Il-Ministri Owen Bonnici u Stefan Zrinzo Azzopardi żaru s-sit fejn bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-proġett tal-Marsa Arts and Culture Hub, proġett kbir li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ is-settur kulturali f’Malta. Għaż-żjara attendew ukoll rappreżentanti ta’ Festivals Malta, fosthom iċ-Chairman Aaron Zahra, il-Kap Eżekuttiv Frans Agius u d-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil.
Dan il-proġett, mifrux fuq madwar 15-il tomna u kofinanzjat minn fondi Ewropej, se joħloq spazju modern u dinamiku ddedikat għall-arti u l-kultura. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ twaqqigħ, skavar u preparazzjoni tal-pedamenti.
Il-Ministru Bonnici saħaq li dan l-investiment juri l-impenn tal-Gvern lejn il-kultura bħala element importanti tal-iżvilupp nazzjonali, filwaqt li spjega li l-Hub se joffri opportunitajiet ġodda lill-artisti u jkun spazju miftuħ għall-komunità. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi enfasizza r-rwol tal-fondi Ewropej fil-ħolqien ta’ infrastruttura moderna li tikkontribwixxi wkoll għar-riġenerazzjoni urbana u l-iżvilupp sostenibbli.
Il-Marsa Arts and Culture Hub se jinkludi diversi faċilitajiet, fosthom workshops tal-Karnival, spazji għall-provi tal-mużika u ċentru għaż-żfin. Se jkun hemm ukoll mużew tal-Karnival, żona għall-parati u teatru li jesa’ madwar 400 persuna, flimkien ma’ studios u spazji għall-iżvilupp tal-artisti.
Ir-rappreżentanti ta’ Festivals Malta sostnew li dan il-proġett se jsaħħaħ il-komunità kreattiva u joħloq aktar opportunitajiet għall-artisti lokali, filwaqt li jħeġġeġ l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni.
Il-viżjoni tal-Hub tinkludi fost oħrajn il-promozzjoni tal-wirt tal-Karnival, l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali, inizjattivi edukattivi, appoġġ lill-artisti u kollaborazzjoni ma’ networks lokali u Ewropej. Dan kollu għandu jwassal biex tinħoloq ekosistema kreattiva sostenibbli li tgħaqqad it-tradizzjoni mal-innovazzjoni.
Dan iċ-ċentru ġdid fil-Marsa mistenni jsir punt ewlieni għall-arti u l-kultura f’pajjiżna, b’valur mhux biss kulturali iżda wkoll edukattiv u turistiku.











