Il-figolla hija tradizzjoni sabiħa li tirrappreżenta l-ferħ u l-qsim, speċjalment fost it-tfal li jistennewha b’ħerqa kbira waqt il-festi tal-Għid. Normalment tkun imżejna b’bajda tal-ħelu u tiġi f’forom differenti bħal fniek, qlub, ħut u oħrajn kreattivi.
Iċ-Ċelestini Kids & Youth Club, fi ħdan l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun, qed jorganizzaw “Easter Figolla Party” nhar it-Tlieta 31 ta’ Marzu, li hija festa pubblika, għal tfal Maltin u Għawdxin. L-attività se ssir fis-sala prinċipali tal-knisja tal-Kunċizzjoni fid-9:00 ta’ filgħodu. Matulha, it-tfal se jkollhom l-opportunità jaħdmu u jżejnu l-figolli bl-għajnuna tal-voluntiera. Se jkun hemm ukoll face painting u logħob ieħor biex il-ġurnata tkun aktar divertenti. L-għaġina u l-mili se jkunu pprovduti, iżda min jixtieq jista’ jġib lembuba miegħu.
Il-figolli li jsiru matul din l-attività se jingħataw lit-tfal tad-Dar tal-Providenza u lil tfal oħra bi bżonnijiet speċjali, f’ġest sabiħ ta’ solidarjetà. Barra minn hekk, bħal kull sena, il-parroċċa qed tiġbor ukoll figolli biex jitqassmu waqt quddiesa ddedikata lil dawn it-tfal u żagħżagħ, li se ssir it-Tnejn 6 ta’ April fis-6:30 ta’ filgħaxija.
Il-ġenituri jew kustodji li jixtiequ li t-tfal tagħhom jipparteċipaw jistgħu jikkuntattjaw lill-organizzaturi permezz tal-paġni “Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun A.D. 1979” jew “Celestini Kids and Youth”, jew iċemplu fuq 79000490. Min jixtieq jagħti figolli jista’ jwassalhom fil-knisja fil-ħinijiet tal-quddies. Parkeġġ bla ħlas huwa disponibbli fl-ex Liceo tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca.










