Wara snin twal ta’ tradizzjoni, il-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun qed terġa’ torganizza ċ-Ċenaklu Ħaj u qed tistieden lill-pubbliku biex jattendi għal rappreżentazzjoni speċjali ta’ ‘L-Aħħar Ikla’. Din se tittella’ nhar it-2 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, fid-9:00 ta’ filgħaxija, u terġa’ ssir nhar il-3 ta’ April, il-Ġimgħa l-Kbira, fid-9:00, fl-10:00 u fil-11:00 ta’ filgħodu fis-Sala Dun Manwel, ħdejn il-knisja.
Dawk li jattendu se jkollhom l-opportunità jsegwu mill-qrib l-aħħar mumenti ta’ Ġesù Kristu mal-appostli, fejn waqqaf is-sagrament tal-Ewkaristija. Din hija esperjenza li tmiss kemm lill-kbar kif ukoll liż-żgħar, u li tgħin biex wieħed jgħix aktar fil-fond it-tifsira spiritwali ta’ dawn il-jiem qaddisa.
L-attività hija bla ħlas u ma hemmx bżonn ta’ prenotazzjoni. Barra minn hekk, il-parking huwa disponibbli mingħajr ħlas fl-ex Liceo, Kulleġġ San Ġorġ Preca, fil-Ħamrun.
Din l-inizjattiva qed issir grazzi għall-inkoraġġiment tal-Kappillan Fr. Franco Fenech u l-ħidma tal-membri u l-atturi tal-Kumpanija Teatrali Dun Mikiel Xerri. Għal aktar dettalji, wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook tal-Parroċċa Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun: Parroċċa Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun.








